Lokali Qorti

Żagħżugħ mixli li kkaġuna ġrieħi fuq l-eks sieħba

Żagħżugħ ta’ 25 sena mill-Kalkara nżamm arrestat wara li ġie mixli li ħebb għall-eks sieħba tiegħu u kkaġunalha ġrieħi ħfief. Quddiem il-Maġistart Joe Gatt, l-Ispettur Omar Zammit, mit-Taqsima ta’ kontra l-Vjolenza Domestika; qal li l-vittma rrapportat liż-żagħżugħ wara argument bejn il-koppja dwar binthom.

L-allegata vittma qalet li l-akkużat sgassalha l-bieb ta’ barra tar-residenza tagħha u ħebb għaliha bir-riżultat li l-vittma sofriet minn xi ġrieħi ħfief. L-avukat difensur Arthur Azzopardi qal li l-argument inqala’ wara li l-mara ma bdietx tħalli lill-akkużat jara lil binthom u dan minkejja li dejjem ħallas il-manteniment.

F’dan l-istadju, id-difiża ddikjarat li ma kinitx se titlob għal ħelsien mill-arrest u għaldaqstant iż-żagħżugħ inżamm arrestat.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Omar Zammit filwaqt li għall-akkużat deher l-Avukat Arthur Azzopardi.