Lokali

Il-Ministru Silvio Schembri inkarigat mill-viżjoni jaqbel li l-Gvern bla viżjoni

Il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, jaqbel mas-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union Josef Bugeja li preżentament il-pajjiż jinsab bla viżjoni.

B’mod mill-aktar xokkanti, Schembri, li ilu jservi bħala Ministru għall-Ekonomija minn Jannar tal-2020 u membru tal-Kabinett għal dawn l-aħħar 7 snin, ammetta li l-Gvern tal-Labour qed jimxi mingħajr viżjoni. Dan qalu meta kien mistieden fuq il-programm ta’ Andrew Azzopardi fuq l-RTK.

Fl-aħħar jiem il-Gvern nieda s-suppost viżjoni sal-2050 – li sal-lum għadha fi stadju ta’ konsultazzjoni pubblika, li ma tindirizzax il-ħtiġjiet fost l-oħrajn ta’ dawk il-persuni li ma jaffordjawx jieklu laħam jew tiġieġ.

L-istatistika turi li persuna minn kull għaxra ma tiflaħx dan il-piż finanzjarju li għall-maġġoranza hija normalità. Iċ-ċifri juru li n-nies fir-riskju tal-faqar qed jiżdiedu filwaqt li l-użu tas-Soup Kitchens qiegħed jiżdied ukoll.

Ftit tal-jiem biss qabel mal-Ministru Clyde Caruana jħabbar id-diskors tal-budget, Silvio Schembri insista li dawn iċ-ċifri ma jurux ir-realtà vera tal-ħajja f’pajjiżna għaliex meta kien lettur tal-Ekonomija fl-Università ta’ Malta, kien jgħallem lill-istudenti li l-indikaturi tal-GDP mhux kollox.

Madanakollu ammetta li l-ekonomija li qabad il-Gvern – mudell ekonomiku li dejjem ħareġ għonqu għalih huwa stess – ġab problemi oħrajn miegħu.

Mistieden fil-programm kien hemm ix-Shadow Minister Ivan J. Bartolo li stqarr li filwaqt li huwa minnu li l-ekonomija kibret fl-aħħar snin, huwa fatt ukoll li din kibret fid-direzzjoni l-ħażina, ibbażata fuq il-kwantità u mhux fuq il-kwalità – ibbażata fuq nies importati minn barra minn Malta u l-Ewropa.

Huwa saħaq li l-ekonomija kif inhi ma tista’ qatt tkeċċi ‘l barra mill-pajjiż persuni meqjusa bħala TCNs iżda staqsa dawn in-nies x’qed iħallu fl-ekonomija tal-pajjiż – x’introjtu qiegħed jieħu l-Gvern minn fuqhom jekk fil-maġġoranza tagħhom jaqilgħu paga minima – xorta waħda jagħmlu użu mill-Isptar Mater Dei tal-inqas darbtejn fis-sena… u jibagħtu nofs il-paga tagħhom barra minn Malta.

Bartolo insista li dan il-pajjiż ma jridx politika bbażata biss fuq kampanji elettorali iżda direzzjoni ċara u tonda llum qabel għada.