“Irridu trasparenza sħiħa dwar il-pjan tal-Gvern Laburista li jbiddel il-Pjani Lokali”- PN

Ix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet, Stanley Zammit u x-Shadow Minister għall-Ambjent, Rebekah Borg saħqu li l-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li jkun hemm trasparenza sħiħa dwar il-pjan tal-Gvern Laburista li ħabta u sabta jbiddel il-Pjani lokali.

Mhux aċċettabbli li l-Gvern Laburista jibqa’ jistaħba wara l-legaliżmi u jfettaq dwar il-proċedura tal-Parlament u li Membri tal-Gvern jinjoraw lill-Oppożizzjoni u ma jweġbux għal talba biex dan it-tibdil jiġi diskuss fi stadju bikri fil-Kumitat Permanenti tal-Kamra dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp.

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna u jistmerr din l-attitudni tal-Gvern li qed iżomm lin-nies fil-għama dwar xi jrid ibiddel fil-Pjani Lokali – inkluż liema żoni se jkunu effettwati – u jċaħħad lill-poplu Malti u Għawdxi mill-informazzjoni dwar dak li jolqot lill-kwalità tal-ħajja tiegħu. Għal dan kollu huwa responsabbli Robert Abela li bħal ta’ qablu qed imexxi gvern tal-ħabi fejn l-interessi tal-ftit tal-qalba jirbħu fuq l-interessi taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Huwa kundannabbli li minflok jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista f’diskussjoni u analiżi serja dwar kif se jiġi żgurat titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies, il-Gvern Laburista qiegħed joqgħod idur mal-lewża u jinħeba wara argument legali biex il-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp ma jiltaqax biex jiddiskuti l-pjan tal-Gvern għaż-żona ta’ Villa Rosa f’San Ġiljan. Issa sirna nafu wkoll, mid-dokumenti ppubblikati mill-Awtorità tal-Ippjanar, li r-reviżjoni proposta għall-Pjan Lokali għal din iż-żona tkopri żona addizzjonali lil hinn minn dak definit bħala Villa Rosa fil-Pjan Lokali tal-2006.

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna bil-qawwa kollha din l-imġiba tal-Gvern ta’ Robert Abela u Joseph Muscat, li wasslet biex is-sistema tal-ippjanar ta’ pajjiżna spiċċat magna tal-permessi li ma tqisx l-ewwel u qabel kollox il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Il-konsultazzjoni li ħabbret l-Awtorità tal-Ippjanar b’ordni mill-Kabinett hija intenzjonata biss biex tiġġustifika l-qerq u l-abbuż tal-Gvern ta’ Robert Abela. Dan joħroġ ċar mid-deċiżjonij tal-Gvern dwar il-bini illegali f’ODZ fix-Xewkija, Għawdex li dwarhom il-Gvern qed jordna li jinbidel il-Pjan Lokali biex ikun possibbli li bini llegali jingħata permess. B’din id-deċiżjoni, il-Gvern Laburista qed jerġa’ jikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jaġevola individwi tal-qalba u joħloq preċedenti perikolużi a skapitu tal-ambjent u tal-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Il-Partit Nazzjonalista jrid u se jibqa’ jaħdem biex f’pajjiżna jkollna awtoritajiet u istituzzjonijiet li tassew jaħdmu b’mod awtonomu u indipendenti u li jieħdu d-deċiżjonijiet li jtejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdex.