Lokali

L-akbar tħassib tan-nies jibqa’ dwar l-għoli tal-ħajja

Il-Maltin ilhom snin iħossu l-għafsa tal-għoli tal-ħajja. Il-prezzijiet komplew jiżdiedu, minkejja s-suppost skema li daħħal il-Gvern. U l-familji għadhom qed inaqqru minn ġewwa minħabba l-ispejjeż u d-daqqa tal-inflazzjoni.

Titkellem ma’ min titkellem, kulħadd isemmi kif il-piż tal-għoli tal-ħajja għadu l-akbar inkwiet tal-poplu bħalissa… meta ninsabu ftit jiem biss qabel jiġi preżentat il-Budget għall-2025.

Quddiem ir-realtà tal-għoli tal-ħajja u ż-żieda fil-prezzijiet, il-PN ħareġ bi proposti ċari. Bil-Kap tal-PN Bernard Grech iwiegħed tnaqqis fit-taxxa u anke tax credits għan-negozji.

Apparti minn hekk, il-PN irid li titneħħa t-taxxa fuq il-COLA, bil-għan li għajnuna għall-għoli tal-ħajja tkun qed titgawda b’mod sħiħ mill-ħaddiema u l-pensjonanti.

Il-Partit Nazzjonalista ilu wkoll snin jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ viżjoni fit-tul u li jissawru niċeċ ekonomiċi ġodda bħall-Metaverse, ir-robotika, l-e-sports, il-produzzjoni tal-video games u t-3D printing.

Dan apparti l-ħtieġa ta’ sostenn dirett lill-ħaddiema u lin-negozji, liż-żgħażagħ u anke l-pensjonanti li qed iħossu l-piż kbir tal-għoli tal-ħajja.

Il-PN qed jipproponi wkoll li tonqos il-parent rate għall-ġenituri biex il-ġenituri jħallsu anqas income tax… li tiġi applikata r-rata preferenzjali ta’ taxxa għall-ġenituri sakemm it-tfal idumu jistudjaw… u li tingħata allowance ġdida lill-ġenituri li ma jħallsux taxxa, fosthom dawk li jgħixu bil-pensjoni tar-romol jew li ma jaħdmux biex b’hekk ladarba ma jgawdux minn tnaqqis fl-income tax ikollhom allowance ġdida.