Pajjiżna ma jistax jibqa’ jitmexxa skont il-popolarità fl-opinjoni pubblika – b’din it-tip ta’ tmexxija se nweġġgħu.
Sostna dan l-eks Ministru Laburista Evarist Bartolo waqt li dibattitu fil-programm NETLIVE fejn implika li l-Gvern ta’ Robert Abela qed imexxi skont x’jagħmlu l-aktar popolari għall-voti b’detriment enormi għall-futur ta’ pajjiżna.
Matul l-istess diskussjoni Evarist Bartolo stqarr li l-familji Maltin u Għawdxin jistgħu jkollhom rashom mistrieħa li s-sussidju fuq id-dawl se jkun qiegħed jinżamm iżda ċċara li ma jaħsibx li dan se jkun budget li jindirizza xi tibdil fil-pjan ekonomiku; filwaqt li ammetta li hemm faxxa ta’ nies li l-għoli tal-ħajja qed taffettwahom b’mod qawwi ħafna.
B’rabta mat-tibdil tal-pjan ekonomiku tkellem il-Kap tad-Dipartiment tal-Public Policy fi ħdan l-Università ta’ Malta Mario Thomas Vassallo fejn insista li hemm stennija kbira għal dan il-budget …minħabba li n-nies iridu jaraw jekk il-Gvern hux se jbiddel id-direzzjoni tal-pjan ekonomiku.
Minkejja dan, huwa qal li fil-verità il-poplu kull ma jrid jisma’ huwa kif dan il-budget se jaffettwalu butu. U stqarr li jemmen li hawn min f’pajjiżna lanqas biss jaf li ġej il-budget.
Vassallo insista wkoll li l-Partiti jridu jagħmlu xi ħaġa b’rabta mal-apatija politika li hawn fil-pajjiż.
B’rabta ma’ din it-tema tkellem Evarist Bartolo, illi insista dwar l-importanza li ż-żgħażagħ jibqgħu jikkotribwixxu f’Malta stess…u mhux jemigraw għax tilfu l-gost li jgħixu f’pajjiżhom.
Mario Thomas Vassallo faħħar il-ħidma ta’ Net Television li minkeja l-aġenda ovvja politika tiegħu xorta waħda jiftaħ l-istazzjon għal opinjonijiet varji…għad-differenza tas-Super One.
U agħar minn hekk, differenti wkoll mill-PBS. Fejn saħansitra anke Evarist Bartolo qabel miegħu.
//= $special ?>