Lokali

Qalgħet transfer mill-Ħabs…imma skont il-Gvern m’għamlet xejn ħażin

Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għall-istejjer ippubblikati f’diversi siti tal-aħbarijiet dwar id-deċiżjoni li ma jittiħdux passi kriminali fil-konfront tal-Head of Strategy tal-Ħabs, wara li din inqabdet torganizza laqgħat sigrieti fl-uffiċċju tagħha bejn Yorgen Fenech u terzi persuni minn barra l-ħabs.

Dan qalu d-deputat Nazzjonalista Darren Carabott fi stqarrija maħruġa dalgħodu.

Filwaqt li l-Gvern qed jgħid li l-eks impjegata tas-Super One ma għamlet xejn ħażin u allura mhuma se jittieħdu l-ebda proċeduri kriminali kontriha, fl-istess nifs qed jikkonferma li ġiet trasferita mill-Ħabs ta’ Kordin lejn post ieħor.

Id-domanda hija ovvja: ladarba skont il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol ma għamlet xejn ħażin, allura għalfejn qalgħet transfer għal entità oħra?

Il-Partit Nazzjonalista jixtieq iwassal ukoll għal darba oħra l-preokupazzjoni serja tiegħu dwar il-fatt li kellhom ikunu l-ġurnalisti li jagħfsu lill-Gvern Laburista biex toħroġ xi forma ta’ informazzjoni dwar fiex wasal dan il-każ, li kien żvelat mill-Avukat Jason Azzopardi.

Kien il-Partit Nazzjonalista li għamel pressjoni politika u pubblika dwar dan il-każ biex jittieħdu passi serji dwar dawn l-allegazzjonijiet. Iżda l-Gvern Laburista jidher li se jkompli jipproteġi lil min naqas lill-poplu.

Dan hu każ ieħor li juri kif għall-Gvern Laburista, kollox jgħaddi u kollox taħt it-tapit.

Il-Partit Nazzjonalista jitlob trasparenza sħiħa dwar dak li ġara, u jesiġi wkoll li tingħata spjegazzjoni pubblika dwar dak li seħħ.

Il-PN jieħu l-opportunità biex isellem lill-ħaddiema u l-uffiċjali fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li jixtiequ jaraw is-serjetà, il-meritokrazija u t-trasparenza fuq il-post tax-xogħol tagħhom.