Internazzjonali

Gaza: Għexieren oħra ta’ mejtin u midruba fost l-appelli mill-entitajiet umanitarji

Il-qawwiet tal-ajru ta’ Iżrael irrankaw l-attakki fuq il-Ħamas f’Gaza u waqt li komplew ukoll il-battalji mal-art fid-diversi nħawi indikati bħala moħbiet għat-terroristi.

Dan waqt li l-awtoritajiet Palestinjani f’Gaza kkonfermaw li nqatlu ‘l fuq minn 90 persuna – militanti u ċivili – waqt perjodu speċifiku ta’ attakki mill-Iżraeljani fuq Beit Lahia, b’għexieren oħra jisfaw midruba.

Il-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza, ikkontrollat mill-Ħamas, qal li l-iskwadri ta’ voluntiera għadhom qed ifittxu għal ħafna nies mirdumin taħt it-tifrik tal-bini li ċeda għal fuqhom waqt l-attakki. Mifhum ukoll li l-ambulanzi ma setgħux jaslu qalb iz-zoni fil-mira tal-Iżraeljani u fost l-indikazzjonijiet ta’ kwantità sinifikanti ta’ vittmi.

L-Iżraeljani sostnew li qed jevalwaw ir-rapporti dwar il-vittmi ċivili waqt l-attakki – madankollu, huma qalu li l-awtoritajiet tal-Ħamas kienu qed ‘jesaġeraw bi ħsieb’ l-ammonti tal-maqtula.

L-istqarrija kompliet li l-Ħamas xorta għadhom qed jużaw ‘bl-aktar mod sfaċċat’  lill-poplu ċivili ta’ Gaza bħala tarka quddiem l-avvanzi u l-azzjonijiet tas-suldati, it-tankijiet u l-ajruplani tal-gwerra.

Sadanittant, it-tobba fin-Nofsinhar ta’ Gaza mill-ġdid tkellmu dwar is-sitwazzjoni umanitarja li saret inkontrollabbli. L-appelli, fl-istess ħin, komplew biex Iżrael jieqaf mill-attakki fuq l-isptarijiet qabel ikun tard wisq ‘u l-Medda ta’ Gaza tinqered kompletament minn fuq il-mappa’.

Dan meta l-attakki tal-Iżraeljani fuq Beit Lahia qerdu numru kbir ta’ bini, inklużi blokok kbar għar-residenti u f’sitwazzjoni li qed tirrendi l-ħidma tat-tobba fl-isptarijiet bħala ‘impossibbli’.

U fl-aħħar sigħat, kwantitajiet kbar tal-midruba, uħud minnhom f’sitwazzjoni kritika, kienu qed jitwasslu kontinwament lejn l-isptarijiet ta’ Gaza li huma neqsin mir-riżorsi li kapaċi jagħmlu d-differenza bejn ħajja jew mewt.

F’din is-sitwazzjoni, it-tobba fit-Tramuntana ta’ Gaza qed iħeġġu biex l-assedju ma jkomplix fuq l-isptarijiet u biex il-ħajja, fl-inħawi, tirritorna għan-normal ‘qabel l-esterminazzjoni tal-poplu Palestinjan tkun kompluta’.

Fl-istess ħin, il-kelliema għan-Nazzjonijiet Uniti ukoll esprimew l-inkwiet għall-kriżi umanitarja f’Gaza, fost is-sejħiet kontinwi biex jinfetħu aktar rotot għat-trasport tal-għajnuna lejn dan it-territorju. Il-kelliema għamluha ċara li f’dan ix-xenarju ta’ gwerra, l-entitajiet ta’ fejda f’Gaza ma jistgħux imexxu l-operat umanitarju fuq l-iskala neċessarja u qalb iz-zoni partikulari.

L-Uffiċjali tan-NU qablu li l-provvsisti essenzjali qed jispiċċaw għall-mijiet tal-eluf tal-Palestinjani fit-Tramuntana ta’ Gaza u li jinsabu maqbudin u iżolati fl-artijiet taħt assedju mill-Iżraeljani.