Aktar kmieni din il-ġimgħa kienet żvelata l-aħbar li minn wara dahar kulħadd, il-Gvern irdoppja d-dħul tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà biex hekk hu aktar spjegabbli l-atteġġjament u l-komportament tal-istess Angelo Gafà fil-konfront ta’ kif taġixxi l-Pulizija madwarna.
Kien żvelat f’dawn il-jiem li minn wara dahar kulħadd, il-Gvern ta’ Robert Abela mhux biss għażel li jġedded il-kuntratt lill-Angelo Gafà bħala l-Kummissarju tal-Pulizija, iżda talli rduppjalu d-dħul tiegħu biex illum jitħallas xejn inqas minn kważi €9,000 fix-xahar… dejjem biex il-Gvern iżomm sieket lill-Kummissarju tal-Pulizija.
Fis-sigħat li għaddew dwar il-Korp tal-Pulizija Il-Mument tkellem ma’ Darren Carabott, ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi, u mistoqsi preċiżament x’qiegħed jiġri fir-rigward tal-Għases tal-Pulizija qal li: “Għadna sitwazzjoni fejn Għassa tal-Pulizija miftuħa saret rarita f’pajjiżna… b’sitwazzjoni ta’ ammont minimu ta’ għases huma miftuħa.

“L-istess jingħad għan-nuqqas ta’ persuni fil-Korp tal-Pulizija biex ilaħħqu mad-domanda ta’ xogħol li hemm f’sezzjonijiet oħra tal-Korp tal-Pulizija.
“Din is-sitwazzjoni ma tawgurax tajjeb għall-infurzar tal-Liġi u l-ordni f’pajjiżna. Spjegajna u se nibqgħu nisħqu, li n-nuqqas ta’ għases miftuħa huwa messaġġ ta’ nuqqas ta’ preżenza li jista’ jwassal għall-aktar reati kriminali fl-irħula u l-ibliet tagħna.
“Dan minbarra li l-pressjoni fuq l-għases il-miftuħin qiegħda dejjem tikber minħabba l-influss ta’ xogħol li qed ikun hemm fuqhom.

“Il-Partit Nazzjonalista kommess li nżidu n-numri fil-Korp tal-Pulizija, filwaqt li ntejbu l-kundizzjonijiet ta’ dawk preżenti biex inżommuhom fil-Korp tal-Pulizija, biex nerġgħu nżidu l-preżenza tal-Pulizija fl-irħula l-ibliet madwar Malta u Għawdex,” temm Darren Carabott.
