Internazzjonali

Il-Libanu: Attakki kontinwi fuq iċ-ċentri tal-kmand tal-Ħeżbollah f’Bejrut

Iżrael kompla juri l-flessibbiltà tal-qawwiet tiegħu b’aktar azzjonijiet fuq il-front tal-gwerra fil-Libanu – u fost l-attakki ġodda mill-ajru fuq is-subborgi lejn in-Nofsinhar ta’ Bejrut. L-attakki mmiraw għaċ-ċentri u bażijiet kruċjali għall-milizji Xiti tal-Ħeżbollah u bl-Iżraeljani, qabel, joħorġu d-direttivi għall-evakwazzjonijiet tar-residenti mis-subborgi ta’ Haret Hreik u Hadath.

Intant, l-aktar attakk sinifikanti kien dirett għall-kwartieri ġenerali tas-servizzi sigrieti tal-Ħeżbollah f’Bejrut. Attakk li bbaża fuq informazzjoni speċifika provduta mill-aġenti sigrieti Iżraeljani fil-Libanu.

Ingħad li l-missili laqtu ċentru tal-kmand (tal-Ħeżbollah) flimkien ma’ depot għall-armamenti ta’ taħt l-art fil-kapitali Lebaniża. L-Iżraeljani qalu wkoll li kien sar minn kollox possibbli biex jimminimizzaw il-vittmi qalb il-popolazzjoni ċivili.

Fi żviluppi oħra, il-militar Iżraeljan qal li l-ajruplani tal-gwerra eliminaw lil aktar uffiċjali ewlenin tal-Ħeżbollah. Il-vittmi tal-attakki kienu Al-Haj  Abbas Salama, kmandant tal-qawwiet tal-Ħeżbollah fuq il-front tan-Nofsinhar; Rada Abbas Awada, espert tal-Ħeżbollah għall-komunikazzjonijiet; u Ahmad Ali Hussein li kien imexxi taqsima tal-grupp għall-manifattura tal-armamenti.

L-aħħar mewġa ta’ attakki fuq il-Ħeżbollah seħħew wara attakk bi drone, nhar is-Sibt, fuq ir-residenza tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, f’Caesarea, fit-Tramuntana ta’ Iżrael.

Netanyahu u qrabatu ma kenux id-dar waqt il-ħin tal-attakk – bil-Prim Ministru Iżraeljan ifisser l-azzjoni bħala ‘żball kbir li għalih iridu jħallsu l-Iran u l-gruppi tal-milizji fir-reġjun li huma finanzjati minn Tehran’.

Min-naħa tiegħu, l-Iran qal diversi drabi li l-attakk fuq ir-residenza ta’ Netanyahu  twettaq ‘kollu kemm hu’ mill-milizji tal-Ħeżbollah.

Filwaqt li l-ajruplani militari qed jeqirdu lill-faċilitajiet għall-armamenti u s-siti minn fejn il-Ħeżbollah qed jisparaw il-missili u d-drones lejn Iżrael, il-milizji Xiti xorta fadlilhom il-kapaċità biex ikomplu b’dawn l-azzjonijiet .

Iżrael qal, fi tmiem il-ġimgħa, li mal-160 rokit kienu sparati mil-Libanu lejn l-artijiet tiegħu tat-Tramuntana u partikularment lejn iz-zoni tal-Galilea. Il-parti kbira nett tal-missili  kienu interċettati mis-sistemi tad-difiża.