Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ħabbar li ngħatat il-fiduċja f’idejn l-akkademiku George Vital Zammit sabiex jieħu ħsieb jiġbor dokument għall-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista bi tħejjija għall-elezzjoni ġenerali fejn il-poplu Malti u Għawdxi mistenni jagħżel min jixtieq li jmexxi lil pajjiżna għall-ħames snin li ġejjin.
Dan qed isir flimkien mal-wiegħda li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jimxi bi pjan għax jaf fejn jixtieq li pajjiżna jasal.
“Ersqu ‘l quddiem biex nagħmlu programm elettorali ta’ fejda għall-poplu Malti u Għawdxi kollu,” stqarr Bernard Grech.
Vital Zammit se jkun qed imexxi din il-biċċa xogħol importanti flimkien ma’ tim sħiħ fejn se jkunu qed jisimgħu l-imsieħba soċjali għall-ħtiġijiet ta’ pajjiżna. Huwa qal li dan se jkun proċess inklussiv fejn kulħadd jista’ jipparteċipa għal soluzzjoni.
“Dan se jkun proċess inklussiv sabiex jilħaq lil kulħadd,” qal Vital Zammit.
Vital Zammit qal li ż-żgħażagħ jeħtieġu jaraw persuni li għandhom imħabba lejn pajjiżna, b’differenza għall-politiċi tal-Partit Laburista li qegħdin hemm għal għanijiet personali minflok għall-ġid ta’ pajjiżna.
Huwa kompla jgħid li dan il-programm elettorali se jkun qed jiffoka sabiex wieħed verament jieħu gost jgħix f’pajjiżna. Dan biex ma narawx iktar telf ta’ persuni li qed jagħżlu li jgħixu f’pajjiżi barranin iżda minflok naraw persuni li jaraw futur f’Malta.
//= $special ?>