Il-Gvern Malti kkonferma li l-vertical walls qed jagħmlu aktar ħsara milli ġid għall-ambjent€, minħabba l-użu kbir ta’ ilma li dawn jirrikjedu biex jibqgħu jħaddru t-toroq Maltin. Dan ifisser mas-€600,000 minn flus il-poplu ġew mormija.
Dawn il-purtieri ta’ ħaxix niexef ġew żvelati xi tliet snin ilu, taħt it-tmexxija tal-Ministru tal-Ambjent, Aaron Farrugia.
Konferenzi tal-aħbarijiet, filmati promozzjonali u inawgurazzjonijiet ta’ dawn l-istess pjanti mal-ħajt saru sabiex il-Gvern juri kemm għandu għall-qalbu l-ambjent. Ironikament, però, l-istess Gvern kien responsabbli għall-isfreġju ambjentali li seħħ u għadu jsir f’pajjiżna.
Biss biss, il-vertical wall ta’ Raħal Ġdid illum il-ġurnata qas biss għadu jeżisti; proġett li ġie jiswa mal-€163,000 u li llum il-ġurnata f’postu nsibu biss ħajt tal-ġebel. Dan apparti l-eluf kbar l-oħra li ntefqu f’postijiet oħra, li għakemm għad hemm dawn il-ħitan, jinsabu fi stat diżastruż, bi pjanti nixfin, ħajt kannella u qsari mqaċċtin; f’kelm’oħra, telqa liema bħalha.
Min-naħa tiegħu, ċ-Chairman Eżekuttiv tal-INDIS, Jean Pierre Attard, qal li l-ħitan kienu pjanati li sal-2025 jiġu mħarsa minn Ambjent Malta, filwaqt li aċċena għal ftehim iffirmat fl-2019 li “jistipula b’mod ċar” li INDIS għandu jkun responsabbli għall-manutenzjoni.
Iżda kelliem għal Ambjent Malta qal li filwaqt li l-entità qablet li tipprovdi assistenza finanzjarja u teknika, “l-oġġetti kollha, inklużi l-infrastruttura, pjanti, tagħmir, il-provvisti, u servizzi l-oħra kollha… huma esklussivament proprjetà tal-INDIS.”
Illum il-ġurnata dawn ’l hekk imsejħa vertical walls mhu qed iservu l-ebda skop għajr tifkira tal-flus mgħormija grazzi għall-inkompetenza tal-Gvern Laburista.