Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna u jistmerr l-attitudni tal-Gvern li qed iżomm lin-nies fl-għama dwar xi jrid ibiddel fil-Pjani Lokali. Jikkundanna wkoll l-imġiba tal-Gvern li ma jridx ilaqqa’ l-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent biex jiddiskuti l-pjan tal-Gvern għaz-zona ta’ Villa Rosa. Dan apparti li jikkundanna l-manuvri tal-Gvern li jaġevola individwi tal-qalba u joħloq preċedenti perikolużi a skapitu tal-ambjent u tal-kwalità tal-ħajja tan-nies
Fid-dawl tal-aħbar tal-Gvern Laburista li ħabta u sabta jrid ibiddel il-Pjani Lokali, il-Partit Nazzjonalista saħaq li għandu jkun hemm trasparenza sħiħa dwar il-pjan tal-Gvern Laburista li ħabta u sabta jbiddel il-Pjani lokali.
Fi stqarrija ffirmata mid-Deputat Stanley Zammit, ix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet; u minn Rebekah Borg, ix-Shadow Minister għall-Ambjent; il-Partit Nazzjonalista enfasizza li: “Mhux aċċettabbli li l-Gvern Laburista jibqa’ jistaħba wara l-legaliżmi u jfettaq dwar il-proċedura tal-Parlament u li Membri tal-Gvern jinjoraw lill-Oppożizzjoni u ma jweġbux għal talba biex dan it-tibdil jiġi diskuss fi stadju bikri fil-Kumitat Permanenti tal-Kamra dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp.”
Il-Partit Nazzjonalista kkundanna u stmerr din l-attitudni tal-Gvern li qed iżomm lin-nies fil-għama dwar xi jrid ibiddel fil-Pjani Lokali – inkluż liema zoni se jkunu effettwati – u jċaħħad lill-poplu Malti u Għawdxi mill-informazzjoni dwar dak li jolqot lill-kwalità tal-ħajja tiegħu. Għal dan kollu huwa responsabbli Robert Abela li bħal ta’ qablu qed imexxi gvern tal-ħabi fejn l-interessi tal-ftit tal-qalba jirbħu fuq l-interessi taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
L-istqarrija kompliet li: “Hu kkundannabbli li minflok jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista f’diskussjoni u analiżi serja dwar kif se jiġi żgurat titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies, il-Gvern Laburista qiegħed joqgħod idur mal-lewża u jinħeba wara argument legali biex il-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp ma jiltaqax biex jiddiskuti l-pjan tal-Gvern għaz-zona ta’ Villa Rosa, f’San Ġiljan.
“Issa sirna nafu wkoll, mid-dokumenti ppubblikati mill-Awtorità tal-Ippjanar, li r-reviżjoni proposta għall-Pjan Lokali għal din iz-zona tkopri zona addizzjonali lil hinn minn dak definit bħala Villa Rosa fil-Pjan Lokali tal-2006.”
Il-Partit Nazzjonalista kkundanna bil-qawwa kollha wkoll din l-imġiba tal-Gvern ta’ Robert Abela u Joseph Muscat, li wasslet biex is-sistema tal-ippjanar ta’ pajjiżna spiċċat magna tal-permessi li ma tqisx l-ewwel u qabel kollox il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
“Il-konsultazzjoni li ħabbret l-Awtorità tal-Ippjanar b’ordni mill-Kabinett hija intenzjonata biss biex tiġġustifika l-qerq u l-abbuż tal-Gvern ta’ Robert Abela.
“Dan joħroġ ċar mid-deċiżjoni tal-Gvern dwar il-bini illegali f’ODZ fix-Xewkija, Għawdex, li dwarhom il-Gvern qed jordna li jinbidel il-Pjan Lokali biex ikun possibbli li bini illegali jingħata permess.
“B’din id-deċiżjoni, il-Gvern Laburista qed jerġa’ jikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jaġevola individwi tal-qalba u joħloq preċedenti perikolużi a skapitu tal-ambjent u tal-kwalità tal-ħajja tan-nies,” fissru d-Deputati Nazzjonalisti Stanley Zammit u Rebekah Borg.
“Il-Partit Nazzjonalista jrid u se jibqa’ jaħdem biex f’pajjiżna jkollna awtoritajiet u istituzzjonijiet li tassew jaħdmu b’mod awtonomu u indipendenti u li jieħdu d-deċiżjonijiet li jtejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdex,” temmet l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>