“Irridu sistema edukattiva li twassal biex wieħed isaqsi. Għalhekk huwa importanti li naraw kif il-flus mhux kollox imma li kollox għandu l-valur tiegħu.”
Kien dan li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt djalogu li sar dalgħodu mill-Partit Nazzjonalista f’Birkirkara b’rabta mal-edukazzjoni f’pajjiżna.
Bernard Grech fakkar kif is-soluzzjonijiet qegħdin għand kulħadd u huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jinsab kommess li jiltaqa’ ma’ kemm jista’ jkun nies sabiex jifhem id-diffikultajiet u l-passi ‘l quddiem.
Huwa qal li pajjiżna jrid jibda billi jkollu politiċi li jkollhom qalbhom fuq in-naħa t-tajba sabiex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem. Dan hekk kif fakkar li l-politika mhix xi logħba u b’hekk il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta politiċi serji li jifhmu fis-setturi kollha ta’ pajjiżna.
Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista mmexxi minnu jemmen f’pajjiżna u b’hekk jaħdem b’qalb waħda mal-poplu Malti u Għawdxi għaliex il-poplu huwa dak li verament jista’ jmexxi lill-pajjiż ‘il quddiem.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li permezz tal-edukazzjoni, il-Partit Nazzjonalista jrid jara li kull persuna ma tiħux biss it-taħriġ sabiex tasal għad-dinja tax-xogħol iżda jgħix f’pajjiż fejn is-sistema tgħallmu wkoll kif jaffaċċja l-ħajja.
“Ejjew niftħu l-klassijiet tagħna għaliex it-tagħlim ta’ wliedna ma jinstabx biss fil-klassijiet iżda fl-għarfien kontinwu fil-ħajja ta’ persuna,” qal Bernard Grech.
Bernard Grech fakkar kif il-Partit Nazzjonalista jemmen f’kull persuna, b’mod speċjali fil-kwalitajiet sbieħ li wieħed kapaċi joffri għas-soċjetà tagħna, ikunu fxikunu dawn il-kwalitajiet.
“X’sar minnu pajjiżna?” staqsa Bernard Grech. “Donnhom il-flus huma kollox. Bħalma huwa importanti li naħdmu, huwa importanti l-mistrieħ.”
Bernard Grech qal li fejn qabel konna naraw tibdil fis-setturi wara tibdil fil-governanza, illum il-ġurnata qed naraw tibdil fis-setturi wara tibdil fit-tmexxija tal-ministeri. U dan qed iwassal għal tħarbit sħiħ għal dawk kollha li jeħtieġu s-servizzi, inkluż f’dak edukattiv.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit jimxi bi pjan għax jaf fejn jixtieq li pajjiżna jmur u jasal. U huwa għalhekk li bħalissa jinsab għaddej b’ħidma ma taqta’ xejn għall-programm elettorali li se jkun fdat f’idejn il-Professur George Vital Zammit.
“Ersqu ‘l quddiem biex nagħmlu programm elettorali ta’ fejda għall-poplu Malti u Għawdxi kollu,” Bernard Grech.
Bernard Grech fakkar kif kull persuna jixraqilha l-kwalità tal-ħajja.
“Magħna jista’ jitkellem kulħadd dwar l-opinjonijiet tiegħu,” qal Bernard Grech. “Inwiegħdu futur isbaħ minn dak li għandna llum grazzi għall-ħidma tal-Partit Nazzjonalista.”
//= $special ?>