Id-djalogu li sar mill-Partit Nazzjonalista f’Birkirkara dalgħodu ġie indirizzat fost l-oħrajn minn assistent kap ta’ skola primarja tal-Gvern, Randolph Peresso, fejn ġie mistoqsi x’jeħtieġ li pajjiżna jagħmel sabiex ma nkissrux il-professjoni ta’ għalliem. Hu appella sabiex il-Gvern verament jinvesti mhux biss finanzjarjament iżda anke fir-riżorsi umani.
Peresso kkritika l-Gvern Ċentrali għan-nuqqas ta’ investiment fl-iskejjel li fost oħrajn jinkludi n-nuqqas ta’ ACs b’detriment għall-edukaturi u l-istudenti, kif ukoll semma n-nuqqas ta’ rinnovar fl-iskejjel. Hu tenna li mhux isir investiment biżżejjed fil-qasam edukattiv biex l-edukaturi jkollhom l-aħjar riżorsi u b’riżultat ta’ dan, qed jispiċċaw ibatu t-tfal.
Randolph Peresso wera t-tħassib tiegħu għas-sitwazzjoni preżenti fejn qed naraw għalliema li jafu s-suġġett ta’ tagħlim tagħhom iżda mhumiex mgħarrfa biżżejjed kif għandhom jgħallmu lill-istudenti. Quddiem dan, huwa wassal appell ieħor sabiex ninvestu f’edukazzjonijiet terzjali biex iħarrġu l-għalliema fejn jidħol it-tagħlim.
Huwa qal ukoll li jeħtieġ li nindirizzaw il-problemi soċjali tal-istudenti għaliex dan jgħin biex it-tfal jikbru fl-edukazzjoni tagħhom bla ma jkun hemm xejn li żżommhom lura.
//= $special ?>