L-esperti taw ċamata lil Robert Abela f’wiċċu dwar l-istill ta’ tmexxija tiegħu u kif din l-istess tmexxija irriżultat f’sitwazzjoni xejn sabiħa fil-pajjiż.
F’attività tal-Partit Laburista spikkat ir-rabja ta’ bosta esperti li l-Ħadd filgħodu tkellmu fuq suġġetti varji u kif is-sitwazzjoni f’pajjiżna marret għall-agħar.
Fost dawk li indirizzaw lil Abela kien hemm il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca fejn sostniet li l-ekonomija tagħna mhux issostni l-familji Maltin u Għawdxin, dan apparti problemi serji ta’ benesseri soċjali u kwalità ta’ ħajja fqira.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja sostna li l-ġid mhux jilħaq lil kulħadd. Bid-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt aċċena bosta sfidi ekonomiċi li l-familji tal-lum qed iħabbtu wiċċhom magħhom.
Tkellem ukoll rappreżentant tal-UĦM Mario Sacco li spjega kif il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna ma jistax jkompli għaddej kif inhu.
Il-Psikologa u professur fi ħdan l-Università ta’ Malta, Angela Abela, semmiet il-fatt li f’pajjiżna l-kwalità tal-baħar naqset ħafna, xi ħaġa li Abela nnifsu rrifjuta li jindirizza kemm-il darba.
Quddiem din il-kritika kbira li ġie affaċċjat minna, Robert Abela deher viżibbilment skomdu. Dan filwaqt li għażel li jinjora kull kumment li sar u minflok għalaq l-attività b’diskors qasir ħafna ta’ inqas minn 10 minuti.
Diskors qasir fejn Abela pprova jiġbor ġieħu fil-konfront tal-kritika qawwija mill-esperti u msieħba soċjali li attendew din l-attività.
B’differenza, il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar snin jindirizza kull tema li dawn il-professjonisti indirizzaw u kkritikaw bil-kbir lil Abela għan-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Gvern tiegħu.
Mhux hekk biss. Il-Partit Nazzjonalista saħansitra pprovda studji u dokumenti għal soluzzjoni ta’ dawn il-problemi li ħafna minnhom ġew kawża ta’ ekonomija bbażata fuq il-kwantità minflok il-kwalità… ekonomija li applikaha l-Gvern Laburista. Iżda, il-Gvern Laburista għażel li jdaħħal rasu fir-ramel u jinjora s-soluzzjonijiet provduti mill-Partit Nazzjonalista, b’dan kollu qed ibati minnu biss il-poplu Malti u Għawdxi kollu.
//= $special ?>