Internazzjonali

L-Italja: Maltemp kbir minn Bologna sa Sqallija

L-Italja spiċċat maħkuma mill-maltemp qawwi tant li l-belt ta’ Bologna u bnadi oħra tal-pajjiż spiċċaw taħt l-ilma. Dan f’sitwazzjoni fejn il-ħalbiet tax-xita qawwija estendew anki sa Sqallija, b’ħames reġjuni fil-pajjiż jiddikjaraw stat ta’ allert li jibqa’ validu sa għada.

L-awtoritajiet f’Bologna sabu l-katavru ta’ żagħżugħ ta’ 20 sena li kien rappurtat nieqes u li x’aktarx miet mgħarraq. Dan filwaqt li mijiet ta’ familji spiċċaw maqbudin fi darhom stess kaġun tal-għargħar qawwi.

Il-maltemp fl-Italja baqa’ qalil għal aktar minn 24 siegħa wara li avvanza lejn il-pajjiż minn fuq il-Mediterran. Maltemp li Malta ħelset minnu biss bi żbrixx, għaliex l-akbar impatt tax-xita iddomina l-aktar fuq iz-zona ta’ Reggio Calabria, ftit ‘il hinn minn Sqallija u n-naħat t’isfel tal-Penisola Taljana.

Ir-reġjun ta’ Sqallija wkoll intlaqat ħażin mill-maltemp u meta t-toroq kollha fil-belt ta’ Katanja spiċċaw mgħarrqin – bl-impatt jinħass ukoll fl-inħawi ta’ Acireale, Acitrezza u Aci Castello.