Lokali

Mixja ta’ 24 siegħa b’risq it-tfal ta’ Fondazzjoni Sebħ

Godwin Debattista, flimkien ma’ sħabu Leanda Keith, Julian Muscat, Darren Aitchison, Raphael Borg Ellul Vincenti u bis-support ta’ Sophie Debattista u ta’ Colette Debattista pparteċipaw f’mixja ta’ 24 siegħa b’risq it-tfal li jgħixu ma’ Fondazzjoni Sebħ sabiex ikollhom l-opportunità li jsiefru għall-ewwel darba f’ħajjithom.

Il-missjoni ta’ Fondazzjoni Sebħ bdiet fl-1956 u fl-2018 saret NGO li fiha tilqa’ tfal u familji u jipprovdulhom servizzi terapewtiċi fil-komunità, residenzjali u edukattivi.

Din il-mixja bdiet mis-Sibt fit-3 ta’ waranofsinhar fil-Port tal-Imġarr, Għawdex, u ntemmet il-Ħadd fit-3 ta’ waranofsinhar fil-pjazza ta’ Bugibba.

F’kummenti li ta lill Net News, Godwin Debattista spjega l-kawża wara din il-mixja.

Minkejja li matul il-jum tas-Sibt kien hemm rapporti ta’ xita f’pajjiżna, Godwin Debattista saħaq kif huma xorta ddeċidew li jkomplu b’din il-mixja.

Mistoqsi kif ipprepara ruħu mentalment għal din il-mixja, Godwin Debattista qal kif kull parteċipant għamel it-taħriġ u l-eżerċizzju tiegħu, però huwa kompla jgħid kif kienet ix-xewqa ta’ kull parteċipant li jaraw 41 tifel u tifla f’Fondazzjoi Sebħ ikollhom l-esperjenza li jsiefru għall-ewwel darba, xi ħaġa li tgħathom il-motivazzjoni sabiex jirnexxielhom.

Intant, dan is-sit staqsa wkoll dwar x’se jkun il-pass li jmiss, b’Godwin Debattista jgħid li din l-attività ħa tibqa’ ssir kull sena b’risq dawn it-tfal.

Yvonne Mallia, id-Direttur ta’ Fondazzjoni Sebħ, irringrazzjat lill-voluntiera u l-parteċipanti li ħadu sehem f’din il-mixja.

Intant, għal kull min hu interessat, wieħed jista’ jagħti donazzjoni fuq Donate – Fondazzjoni Sebħ.