Internazzjonali

Moldova: Elezzjoni għall-Presidenza… u referendum li jiddeċiedi dwar l-avviċinament lejn l-UE

Il-poplu tal-Moldova ssieħeb f’żewġ votazzjonijiet kruċjali, fuq livell nazzjonali li se jiddeterminaw jekk il-pajjiż, Eks Stat Sovjetiku u ġar tal-Ukrajna, għandux ikompli javviċina lill-Unjoni Ewropa u l-Punent, taħt il-President attwali Maia Sandu.

Sadanittant, ma waqfux l-allegazzjonijiet li r-Russja qed tipprova timmanipula lil dan il-proċess elettorali bix-xiri tal-voti u aġir ieħor meqjus bħala ndħil fl-amministrazzjoni tal-Moldova.

Il-President Sandu hi l-favorita li tirbaħ mandant ġdid fit-tellieqa Presidenzjali kuntestata minn 11-il kandidat.

Bħalissa qed isir ukoll vot, jerġa’ aktar importanti għall-futur tal-Moldova u fejn l-elettorat irid jagħżel ‘iva’ jew ‘le’ fir-referendum dwar jekk il-Kostituzzjoni għandhiex tesiġi għal proċess distint u ċar li jwassal għas-sħubija eventwali tal-pajjiż fl-UE.

L-istħarriġ popolari, flimkien mal-analiżi minn diversi istituzzjonijiet magħrufin bħala ‘think tanks’, qed juru li maġġoranza ċara fost il-poplu tal-Moldova jridu li pajjiżhom ikompli javviċina lill-Unjoni.

Dan fost il-ħtieġa li jivvutaw almenu terz tal-elettorat biex ir-referendum ikun validu – u meta l-votazzjoni għandha tagħlaq tard matul il-lejl.

Delgazzjoni ta’ osservaturi minn tal-anqas 10 pajjiż tinsab fil-Moldova biex issegwi ż-żewġ votazzjonijiet u taċċerta minn proċess ħieles u trasparenti.

U f’sitwazzjoni fejn Sandu tonqos minn maġġoranza ċara, għandha ssir it-tieni elezzjoni deċiżiva għall-Presidenza fit-3 ta’ Novembru – u fejn hi kapaċi tikkonfronta lil Alexandr Stoianoglo; Eks Prosekutur Ġenerali li hu favorevolment dispost lejn ir-Russja.