Muhammad Ali Ahmed Al Mushraty, magħruf bħala Lilu King, inżamm arrestat wara li l-Ħadd filgħodu tressaq il-Qorti mixli li kkawża ġrieħi ħfief u kiser l-ordnijiet tal-Qorti, bil-każ imur lura għas-Sibt 12 ta’ Ottubru f’Tas-Sliema. Għal dawn l-akkużi huwa wieġeb mhux ħati.
Fil-Qorti ntqal li Lilu King deher fuq filmati tas-CCTV jiġġieled ma’ persuna oħra u jaħrab mill-post. Fi stqarrija li ta lill-Pulizija, Lilu King qal li dak ir-raġel kien seraqlu l-mobile u li kien qiegħed jiddefendi ruħu. Qal li tefagħlu l-birra u l-argument eskala.
Id-difiża qalet li Lilu King ġie aggredit, insteraqlu l-mobile u ddefenda ruħu. Saru talbiet biex l-imputat jiġi eżaminat minn espert mediku biex jiddetermina jekk għandux ġrieħi gravi.
Minn-naħa tagħha, il-Maġistrat Gabriella Vella ordnat biex kemm il-vittma u kemm l-akkużat jiġu eżaminati minn espert mediku.
Meta d-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest, il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Eman Hayman, argumentat li l-imputat għandu tliet digrieti imposti fuqu.
Hija ċaħdet il-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża’ ta’ intraċċ ta’ provi peress li l-allegat vittma għad irid jixhed. Il-Qorti ordnat ukoll protezzjoni fil-konfront tal-vittma għas-sentejn li ġejjin u jekk jikser din l-ordni l-imputat jista’ jeħel sa €7,000 multa u sentejn ħabs.
Id-difiża tmexxiet minn Franco Debono, Josè Herrera u Adriana Zammit.
//= $special ?>