Lokali

Tittella’ l-attività annwali Ġenna ta’ Ġonna fil-Furjana

Matul il-jum tal-Ħadd, bosta familji, żgħażagħ, anzjani, u turisti kellhom l-opportunità li jattendu l-attività annwali ‘Ġenna ta’ Ġonna’ li ssir madwar il-lokalità tal-Furjana.

Dis-sena kienet it-12-il edizzjoni ta’ Ġenna ta’ Ġonna fejn wieħed seta’ jżur numru ta’ stabbilimenti, esibizzjonijiet u ankè mużewijiet li toffri l-lokalità.

Net News kien preżenti għal din l-attività, fejn tkellimna mal-Viċi Sindku James Aaron Ellul, li spjega l-importanza ta’ dan l-avveniment u tenna’ kif ‘Ġenna ta’ Ġonna’ tagħti ħajja u identità lill-Furjana.

Intant, James Aaron Ellul saħaq ukoll kif attività bħal din tgħin biex timbotta l-lokalità ‘l quddiem u żżid l-għarfien dwar il-lokalità.

Numru ta’ persuni kellhom iċ-ċans li jżuru wirjiet storiċi bħall-Ġibjun ta’ Vilhena li jinsab taħt l-iskola primarja tal-Furjana, li kien iservi bħala xelter fit-Tieni Gwerra Dinjija u li issa nfetaħ għall-ewwel darba għall-pubbliku.

Matthias Buhagiar, wieħed mill-ħames kuraturi li jieħu ħsieb il-Kappella ta’ San Publiju, spjegalna dwar ir-rwol u l-istorja ta’ din il-Kappella li wkoll tinsab fil-Furjana.

Intant, il-persuni preżenti kellhom l-opportunità li jżuru wkoll wirjiet storiċi bħall-Istazzjon tal-Ferrovija tal-Furjana, għadd ta’ knejjes u ġawhriet oħra.