Lokali

Wirja artistika f’Ħal Tarxien biex tfakkar il-150 sena tal-Fratellanza tal-Madonna tad-Duttrina

Bħala parti mill-festi li jfakkru 150 anniversarju mit-twaqqif tal-Fratellanza tal-Madonna tad-Duttrina, se tiġi organizzata wirja artistika li tikkonsisti f’għadd ta’ xogħlijiet li jirriflettu d-devozzjoni lejn din il-patruna.

Il-wirja se ssir f’Dar Nazaret, f’Triq it-Tamal, f’Ħal Tarxien. Din il-wirja se tkun miftuha għall-pubbliku mis-Sibt 19 ta’ Ottubru, u tibqa’ għaddejja sal-Ġimgħa 25 ta’ Ottubru.

Fost ix-xogħlijiet artistiċi esebiti, wieħed se jkun jista’ jammira kapolavuri ta’ artisti rinomati bħal Pietro Gagliardi, Guzeppi Cali, Karlu Darmanin, Abraham Gatt, Manuel Buhagiar, Renzo Gauci, Manuel Farrugia, u Michael Cutajar Zahra.

Dawn ix-xogħlijiet jirrappreżentaw b’mod uniku l-istorja artistika u reliġjuża tal-Madonna tad-Duttrina u s-simboliżmu tagħha.

Il-ħinijiet ta’ ftuħ għall-pubbliku se jkunu kuljum mid-9 ta’ filgħodu sa nofsinhar, u mill-4 ta’ waranofsinhar sat-8 ta’ filgħaxija.