Lokali

“George Vital Zammit huwa aħbar stupenda għall-Partit Nazzjonalista” – Andrew Azzopardi

“George Vital Zammit huwa aħbar stupenda għall-Partit Nazzjonalista.”

Hekk iddikjara l-Professur Andrew Azzopardi, li ngħaqad ma’ mijjiet ta’ persuni li fl-aħħar sigħat esprimew ruħhom kuntenti li l-PN mar għal din l-għażla hekk kif George Vital Zammit ġie inkarigat biex jibda jfassal il-Programm Elettorali tal-PN għall-elezzjoni li ġejja.

Ma’ Andrew Azzopardi ngħaqdu mijjiet ta’ persuni li fuq il-midja soċjali kellhom biss kliem pożittiv għal din l-għażla, li ddeskrivewha bħala “eċċellenti”. Filwaqt li ħafna ddeskrivew lill-Professur George Vital Zammit bħala validissimu.

George Vital Zammit se jkun qed imexxi din il-biċċa xogħol importanti flimkien ma’ tim sħiħ li se jkun qed jisma’ lil kull persuna, inkluż l-imsieħba soċjali, qabel jiġi ffurmat dan id-dokument. Dan sabiex il-Partit Nazzjonalista, iktar minn qatt qabel, ikun jaf x’inhuma l-ħtiġijiet ta’ pajjiżna.

F’Birkirkara, George Vital Zammit qal li ż-żgħażagħ jeħtieġu jaraw persuni li għandhom imħabba vera lejn dak li jsawwarna bħala nazzjon; b’differenza għall-politiċi tal-Partit Laburista li qegħdin hemm għall-għanijiet personali tagħhom minflok għall-ġid ta’ pajjiżna.

George Vital Zammit qal li l-programm elettorali tal-PN se jkun qed jiffoka fuq il-ħtieġa li kulħadd jerġa’ jħoss dak is-sentiment ta’ sodisfazzjon li jgħix f’pajjiżna. U ma narawx aktar telf ta’ persuni li qed jagħżlu li jħallu arthom minħabba s-sitwazzjoni preżenti fejn ħafna qed iħossuhom fgati ma’ kull jum li jgħaddi.