Lokali

Il-Green Wall tal-Labour, li sewa €600,000, jikkollassa

Fi stqarrija ffirmata mis-Shadow Ministers Rebekah Borg, Bernice Bonello u Eve Borg Bonello stqarru illi l-fatt li l-green walls li swew lill-poplu Malti €600,000 huma eżempju ieħor tal-inkompetenza qawwija tal-Gvern tal-Labour u t-tberbiq bla kontroll ta’ flus il-poplu. Dan mhuwiex biss falliment ambjentali, imma huwa eżempju ċar ta’ kif din l-amministrazzjoni hija nieqsa minn kull responsabbiltà, u kull rispett lejn ir-riżorsi pubbliċi, u l-ambjent li tgħid li trid tipproteġi. 

Il-wegħdiet vojta ta’ dan il-Gvern ta’ titjib bl-ambjent u spazji ħodor ġew esposti għal darba oħra bħala xejn aktar ħlief stunts politiċi vojta. L-inizjattiva msejħa “green walls”tmermret quddiem għajnejna, hekk kif it-tliet installazzjonijiet li swew il-mijiet tal-eluf ta’ ewro tħallew imutu. Issa, dawn il-ħitan qed jitneħħew għax il-Gvern ammetta li l-konsum tal-ilma meħtieġ biex jinżammu jmur lil hinn mil-benefiċċji ambjentali li suppost kellhom joffru. 

Il-Gvern kixef in-nuqqas ta’ ppjanar tiegħu stess u l-fatt li naqas li jaċċerta ruħu li proġett bħal dan seta’ verament ikun sostenibbli. Minflok ma offrew soluzzjoni għall-isfidi ambjentali ta’ Malta, dawn il-proġetti saru simbolu grottesk tat-tattiċi ta’ greenwashing tal-Partit Laburista. 

It-traġedja vera hi x’seta’ sar b’dawn il-fondi mitlufa. B’€600,000, il-Gvern seta’ jħawwel eluf ta’ siġar u joħloq spazji ħodor sbieħ u sostenibbli li tassew kienu jikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità tal-arja u l-ambjent ta’ Malta. Minflok, il-flus tal-poplu nħlew fuq proġetti nieqsa mill-ħsieb u kompletament insostenibbli, li issa saru monumenti tal-falliment tal-Labour. 

Kif setgħu proġetti ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro, imħallsa mill-poplu, jikkollassaw b’dan il-mod? Il-verità hija din: dan il-Gvern huwa aktar interessat f’ċerimonji u xinxilli, u f’opportunitajiet ta’ ritratti milli li jiżgura li l-proġetti tiegħu jkunu sostenibbli u miżmuma tajjeb. Din l-istorja rajnieha tirrepeti ruħha fl-aħħar snin – wegħdiet grandjużi li mbagħad jissarrfu f’katastrofi. Dan huwa l-wirt tal-Gvern Laburista fejn jidħol l-ambjent. 

Il-poplu Malti jistħoqqlu aħjar minn dan il-katastrofi ambjentali u fiskali. Il-Partit Nazzjonalista jitlob investigazzjoni immedjata u sħiħa dwar l-immaniġġjar ħażin ta’ dawn il-proġetti u jistenna li dawk responsabbli jħallsu għan-negligenza tagħhom. 

Wasal iż-żmien li dan il-Gvern iwaqqaf il-magna tal-propaganda u jammetti l-fallimenti tiegħu. Il-pubbliku jinsab imxebba’ bil-wegħdiet vojta, bil-proġetti falluti, u bit-tberbiq tal-fondi pubbliċi. Issa daqshekk. 

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ sod fl-impenn tiegħu li jżomm lil dan il-Gvern responsabbli u li jiżgura li proġetti oħrajn mhux biss ikunu mwettqa b’mod tajjeb imma wkoll li jagħtu benefiċċji reali u li verament jitgawdew mill-poplu Malti.