Lokali

Il-Gvern iwiegħed… iżda qed idur lura minn kliemu

Spazju pubbliku ma jistax jittieħed minn ħalq il-familji – aħna mhux se naqtgħu qalbna.

Hija din is-sejħa li saret mill-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar meta t-Tnejn waranofsinhar saret konferenza tal-aħbarijiet kontra l-proġett ta’ kostruzzjoni ta’ kapitanerija, f’Ta’ Xbiex.

Net News tkellem mal-koordinatriċi tal-FAA Astrid Vella li saħqet li wara l-protesti ta’ sena ilu sar ħafna diskors. Madanakollu, kollox waqa’ fuq widnejn torox.

Vella saħqet li dan kollu huwa inġustizzja partikolarment minħabba l-fatt li skont il-liġi xejn m’għandu jinbena f’dan l-ispazju pubbliku – wara li waqgħet applikazzjoni simili li kienet se tieħu art f’bandli ta’ tfal.

Hi saħqet li dan il-bini kollu f’din iz-zona jista’ potenzjalment jaffettwa l-wirt kulturali tal-Belt Valletta u t-titlu mogħti mill-UNESCO… fatt li suppost il-Gvern wettaq studju dwaru b’rabta ma’ buffer zones u bini, liema studju għadu mistur.

Intant, tkellimna wkoll maċ-Chairperson tal-FAA Charles Mercieca li inista li l-NGO m’għandha ebda oġġezzjoni b’rabta mas-settur tal-yachting hekk kif saħqu li jixtiequ li din l-industrija tikber – iżda saħaq li jekk jeħtieġu verament uffiċ`ji biex joperaw, m’għandhomx għalfejn jibnu eżatt mal-baħar.

Huma temmew jgħidu li pass bħal dan se jkun qed joħloq preċedent, partikolarment la darba din il-binja tispiċċa finalment stabbiliment tal-ikel.