Lokali

Il-Gvern se jżid l-għoli tal-flyover tal-Imsida

Minkejja l-ilmeti li saru mill-Kunsill Lokali tal-Imsida, il-Gvern ta’ Robert Abela se jibqa’ għaddej romblu minn fuq kulħadd hekk kif fil-bidu ta’ Novembru se jibda l-proġett tal-flyover tal-Imsida.

Proprju ftit tax-xhur ilu, il-Kunsill ġdid b’maġġoranza Nazzjonalista insista li ma qabilx mal-aspett tal-flyover. U talab laqgħa għal diversi drabi sabiex tiġi diskussa din il-materja.

Infatti madwar xahar ilu, wara talba mis-Sindku Nazzjonalista Charles Servaggi, saret laqgħa li fiha l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Steve Ellul stqarr li issa huwa tard wisq sabiex isiru tibdiliet f’dan il-proġett.

Apparti minn hekk, Servaggi talab laqgħa mal-Ministru Chris Bonett u ma’ Infrastructure Malta hekk kif il-proġett se jibda ftit tal-ġimgħat oħra – iżda s’issa l-Kunsill Lokali baqa’ mingħajr risposta.

Waqt briefing għall-ġurnalisti li sar it-Tnejn filgħodu fil-binja ta’ Infrastructure Malta, intqal li dan il-proġett se jindirizza l-problema tat-traffiku f’waħda mill-aktar zoni traffikużi f’pajjiżna. Ġie spjegat li minn din iz-zona jgħaddu medja ta’ 50,000 karozza kuljum.

Qed jingħad li 60% ta’ dan il-proġett suppost se jinkludi spazji miftuħa, kif ukoll madwar kilometru u nofs ta’ kareġġjata għaċ-ċiklisti. U f’nofs il-proġett se jsir kanal.

Il-proġett se jibda fil-bidu ta’ Novembru u l-Gvern qed jgħid li se jiġi konkluż fl-2027 – bl-ewwel fażi ta’ dan il-proġett se tieħu madwar sena. Il-Gvern ta x’jifhem li l-kareġġjati se jibqgħu miftuħin waqt li jkunu għaddejin ix-xogħlijiet.

Għalkemm il-Kunsill Lokali tal-Imsida huwa favur dan il-proġett; il-Kunsill flimkien mar-residenti wrew tħassib kbir għall-flyover hekk kif iz-zona ta’ fejn il-Knisja se tispiċċa fgata bil-flyover li se tkun qed tgħaddi minn nofs din iz-zona. Apparti minn hekk, issa tħabbar uffiċjalment li l-għoli tal-flyover se jiżdied… u għalhekk il-proġett se jiġi aktar massiċċ minn dak li kien propost oriġinarjament.

Apparti li l-Gvern injora l-ilmenti tan-nies u tal-Kunsill Lokali, Infrastructure Malta injorat ukoll il-proposta tal-Kamra tal-Peritit li xtaqet aktar konsultazzjoni u li l-proġett ikun wieħed tassew favur ir-residenti.