Internazzjonali

Il-Libanu: Rejds fuq il-banek li qed jiffinanzjaw il-magna tal-gwerra tal-Ħeżbollah

Il-qawwiet ta’ Iżrael qed ikomplu bil-kampanja tal-attakki fuq il-milizji Xiti tal-Ħeżbollah fil-Libanu u fejn fil-preżent qegħdin jippruvaw jipparalizzaw il-funzjoni ta’ dan il-moviment armat sa snienu li hu wkoll alleat kbir tal-Iran fundamentalista.

Wara ġimgħat ta’ attakki mill-ajru kontra l-bażijiet u ċ-ċentri tal-Ħeżbollah f’Bejrut, l-Iżraeljani, issa, qalu li l-aħħar mewġa ta’ attakki kienu mirati għall-fergħat ta’ bank fil-kapitali li qed jintuża speċifikament minn dawn il-milizji.

Il-bank fil-mira ta’ Iżrael jismu Al-Qard al-Hassan u li ilu mill-2007 suġġett għas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti li tqis lill-Ħeżbollah bħala entità terroristika.

Fil-fatt, l-Istati Uniti akkużat lit-Tmexxija u d-diretturi ta’ dan il-bank b’li qed iservu bħala mezz biex il-Ħeżbollah jiżgiċċa mill-kriterji stabbiliti tas-sistemi bankarji internazzjonali.

Għaldaqstant, Iżrael, f’dan il-każ, qed jaħseb biex jelimina jew almenu jipparalizza lill-funzjonijiet tal-bank inkwistjoni li jingħad qed jippermetti għall-iffinanzjar tal-magna tal-gwerra tal-milizji Xiti….Milizji li, min-naħa tagħhom, qed ikomplu jisparaw il-missili u r-rokits lejn l-ibliet Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Sadanittant, hemm probabbiltà kbira li l-aħħar attakki fuq Bejrut issarrfu fl-imwiet ta’ aktar ċivili….Dan għaliex il-militar Iżraeljan kien ħareġ aktar minn 20 twissija għall-evakwazzjoni tal-familji mill-inħawi indikati  f’anqas minn siegħa qabel dawn ir-rejds….Sitwazzjoni li ħolqot kaos u paniku assolut fost ir-residenti, skont ir-rappreżentanti tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libanu.

L-aħħar rapporti minn Iżrael, fl-istess ħin,  qalu li l-militar interċetta mill-ġdid il-missili sparati mill-Heżbollah lejn iz-zoni taċ-ċentru u n-naħa ta’ fuq tal-Galilea. Numru ta’ dawn il-missili kienu interċettati iżda oħrajn laqtu numru ta’ miri – mingħajr ma rriżultaw f’vittmi,

Intant, l-Istati Uniti qed iżżid l-isforzi diplomatiċi biex tistimola lit-taħditiet għal waqfien mill-ġlied fil-Libanu u daqstant ieħor fil-Medda ta’ Gaza fejn il-militar Iżraeljan għadu qed jikkumbatti lit-terroristi tal-grupp Ħamas.

Dan meta s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, qed jivvjaġġa lejn il-Lvant Nofsani għall-ħdax iż-żjara tiegħu fir-reġjun mindu bdiet il-gwerra, aktar minn sena ilu. Mistenni li Blinken, mill-ġdid, jiddiskuti tmiem potenzjali għall-konflitt f’Gaza fost l-enfasi fuq il-ħelsien l-ostaġġi Iżraeljani kollha li ilhom miżmumin mill-Ħamas għal aktar aminn 12-il xahar.