Internazzjonali

Il-Moldova: ‘Iva’ għall-proċess lejn is-sħubija fl-UE fost l-allarm dwar il-livell bla preċedent ta’ ndħil minn barra

Il-poplu fil-Moldova vvota favur il-bidliet proposti fil-Kostituzzjoni u favur l-impenn nazzjonali għall-isħubija futura tal-pajjiż fl-Unjoni Ewropea. Iżda l-vantaġġ hu minimu ħafna; bid-data uffiċjali turi xi 49.54 fil-mija favur kontra d-49.54 li qalu ‘le’ għall-proċess tas-sħubija. Dan wara li laħqu ngħaddew mad-99.6 fil-mija tal-voti mitfugħin fir-referendum tal-Ħadd.

Ma dan ir-referendum saru wkoll l-elezzjonijiet għall-Presidenza tal-Moldova u fejn il-President attwali, Maia Sandu, naqset milli tikseb maġġoranza assoluta u fejn se jkollha tiffaċċja tieni rawnd tal-elezzjoni fil-bidu ta’ Novembru,

Maia Sandu, li hi mija fil-mija favur is-sħubija tal-Moldova fl-UE, qalet li s-sezzjonijiet tal-poplu li jridu javviċinaw lill-Ewropa rebħu ġlieda diffiċli u li fi kliemha kienet anki ġlieda ‘inġusta’ – fost l-allegazzjonijiet li r-riżultat kien immanipulat minn barra l-pajjiż.

Sandu irreferiet għall-‘għedewwa tal-Moldova’ u għall-‘gruppi kriminali’ li jridu jfixklu lill-pajjiż milli javvanza ‘l quddiem u fejn semmiet ix-xiri tal-voti bħala fenomenu perikoluż ħafna għal pajjiżha.

Dan wara li hi, qabel, kienet ikkundannat il-vantaġġ minimu bħala riżultat tal-indħil tal-barranin fil-politika tal-Moldova – fost il-kummenti li pajjiżha kien sofra ‘attakk bla preċedent fuq id-demokrazija’

Intant, Sandu fl-ebda ħin ma rreferiet direttament għar-Russja meta dan il-pajjiż ‘għandu interess speċjali’ biex il-Moldova ma tifformax parti mill-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-awtoritajiet fil-Moldova, fl-aħħar ġimgħat, skoprew skema elaborata għall-pagamenti lill-Moldovani min-naħa ta’ Moska – u bil-kundizzjoni li huma jivvutaw kontra l-Presidenza u l-potenzjal tal-pajjiż li jissieħeb mal-grupp tas-27 pajjiżi Ewropej.

Sadanittant, Peter Stano, bħala l-kelliem għall-Unjoni Ewropea, qal li l-votazzjonijiet fil-Moldova saru f’atmosfera ta’ ndħil bla preċedent u kampanja ta’ intimidazzjoni min-naħa tar-Russja u l-entitajiet li qegħdin jaħdmu id f’id mal-Kremlin ta’ Moska’.

Intant, jibqa’ l-fatt li l-‘maġġoranza minima vvutat biex il-Moldova tibdel il-Kostituzzjoni u timpenja ruħha għall-UE. Fl-istess ħin, ħafna mill-voti li baqgħu ma ngħaddewx kienu ntefgħu barra l-pajjiż u li x’aktarx li huma favur is-sħubija tal-pajjiż fl-Unjoni. Dan meta l-maġġoranza tal-membri tad-dijaspora tal-Moldova jiffavorixxu relazzjonijiet eqreb mal-grupp tas-27 Stati Ewropej.

Madankollu, il-fatt li r-riżultat tar-referendum kien pjuttost ibbilanċjat ixxokkja lil ħafna. Dan għaliex kien mistenni li l-vot favur is-sħubija kellu jgħaddi b’maġġoranza ħafna akbar f’dan il-pajjiż ta’ 2.6 miljun li jaqsam fruntiera mar-Rumanija u l-Ukrajna.

Fl-istess ħin, Dmitry Peskov, il-kelliem għall-Kremlin ta’ Moska, qal li l-President Sandu se jkollha tressaq il-provi konkreti li jissostanzjaw l-allegazzjonijiet tagħha u ta’ ħaddieħor li l-vot fil-Moldova kien immanipulat mill-entitajiet barra l-pajjiż.

Peskov qal ukoll li ż-żieda fil-proporzjon tal-voti għal Maia Sandu waqt l-elezzjoni Presidenzjali għandha titqies bħala ‘anomalija li diffiċli biex wieħed jispjegaha’.

U għalkemm Maia Sandu kisbet l-aktar voti minn fost il-kandidati li kkontestaw għall-Presidenza, il-marġni kienet ħafna anqas milli mistenni qabel l-elezzjoni.

Fil-fatt, Sandu kisbet 41 fil-mija tal-vot kontra s-26 fil-mija għall-eqreb rivali. Sitwazzjoni li tfisser li l-President, f’Novembru, għandha tiffaċċja t-tieni rawnd tal-elezzjoni diffiċli u meta hemm kull possibbiltà li l-avversarji politiċi jingħaqdu kontra tagħha.