Lokali Parlament

Il-poplu jrid għases tal-pulizija miftuħa biex ikunu punt ta’ riferenza


Graziella Galea, PN


Ix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea qalet fil-Parlament li l-poplu jrid għases tal-pulizija miftuħa biex ikunu punt ta’ riferenza.

Graziella Galea qalet li r-rispett lejn l-awtoritajiet mar lura tant li hemm okkażjonijiet li fihom dan spiċċa fix-xejn. Hi sostniet li r-rispett lejn il-pulizija għandu jiżdied u qalet li l-pulizija jistħoqqilhom pagi aħjar u jingħataw l-investiment mistħoqq. Jeħtieġ li l-għases tal-pulizija jkunu miftuħa anki fl-isfond tal-popolazzjoni li qed tikber partikolarment f’ċertu lokalitajiet.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li hemm differenza kbira bejn dak li jsostni l-Kummissarju tal-Pulizija u dak li qed jesperjenzaw il-vittmi tal-vjolenza domestika. Graziella Galea tkellmet ukoll dwar l-importanza ta’ prijorità għas-saħħa mentali.

Graziella Galea tkellmet dwar San Pawl il-Baħar, li hi l-ikbar lokalità f’Malta u trattat l-isfidi kbar li għandha din il-lokalità. Hi qalet li l-għases tal-pulizija tal-Mellieħa u San Pawl issa huma magħluqa u sostniet li l-poplu jrid li l-għases ikunu punt ta’ riferenza fil-lokalitajiet.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra ma tistax isservi l-bżonnijiet kollha ta’ San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa. Aktar u aktar meta f’din l-għassa hemm biss pulizija wieħed li jrid ilaħħaq ma’ kollox.

Hi sostniet li dan qed iġib biża’ fost l-anzjani u appellat biex is-servizz tal-Pulizija tal-Komunità jkun estiż biex l-anzjani jħossuhom siguri partikolarment bil-lejl. Jeħtieġ li l-pulizija jkunu protetti.