Ivan Castillo, PN
Ix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo qal fil-Parlament li l-pulizija għandhom ikunu kemm fl-għases kif ukoll fit-toroq.
Ivan Castillo qal li hu tal-mistħija li l-Gvern jattakka lill-Oppożizzjoni u jallega li l-PN qed juri diżrispett lejn il-Korp ta-Pulizija. Hu sostna li l-GWU qed issostni li għaddew sentejn li fihom ġibdu l-attenzjoni dwar l-ambjent tal-Iskwadra Marittima f’Għawdex, iżda l-gvern m’għamel xejn. Hemm pulizija li qed jiżdiedu €800, iżda pulizija li jagħmlu l-istess xogħol ma żdidux. Il-problemi tant huma kbar li jirriżulta li mill-Korp tal-Pulizija telqu 23%.
Ivan Castillo qal li l-Kummissarju tal-Pulizija hu waħda mill-problemi li hemm fil-Korp tal-Pulizija. Hu sostna li fil-Mellieħa, il-Pulizija tal-Komunità lanqas karozzi m’għandhom. Żewġ għases minn erbgħa fit-12-il distrett issa nagħlqu, qal id-deputat Nazzjonalista, li kompla li r-residenti qed ikollhom imorru l-Qawra biex jagħmlu r-rapporti.
Ivan Castillo kompla li l-pulizija għandhom ikunu kullimkien, kemm fl-għases kif ukoll fit-toroq, iżda dan isir meta jkun hemm l-investiment meħtieġ. Hu semma’ kif l-anzjani qed isibu diffikultajiet kbar biex jagħmlu r-rapporti.
Fid-diskors tiegħu, Ivan Castillo qal li l-Parlament għandu jikkunsidra l-25 proposta li tressqu mill-Pulizija qabel l-elezzjoni biex il-Korp tal-Pulizija jattira iktar nies ta’ kwalità lejh.
//= $special ?>