Ir-raġel ta’ 43 sena minn Bormla li jinsab mixli li pprova joqtol żewġt ibniet fil-Marsa b’diversi daqqiet ta’ sikkina, isibha diffiċli biex jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu, anke jekk ħafna drabi dejjem wera imġiba pożittiva u segwa s-suġġerimenti li tawh il-professjonisti.
Dan irriżulta waqt il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ Nazzareno Dalli meta xehdet psikjatra li qalet li fil-Ħabs huwa segwa sitt sessjonijiet minn sebgħa bl-għan tagħhom kien li Dalli jkabbar l-għarfien u jindirizza ħsibijiet li jwasslu għal abbuż ta’ sustanzi.
Il-psikjatra qalet li l-użu tas-sustanzi ġejjin minn esperjenzi passati fil-ħajja ta’ Dalli, problemi li qatt ma indirizza u saħansitra ħallew impatt dwar kif żviluppa bħala persuna. Ix-xhieda tal-psikjatra kienet mitluba mill-Maġistrat Marse-Anne Farrugia wara li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti talbet ix-xhieda tal-psikjatra wara li, fost oħrajn, qalet li ma tħosshiex komda li tilqa’ t-talba qabel ma jkollha serħan tal-moħħ li jekk l-imputat jingħata l-ħelsien mill-arrest għandu s-sapport neċessarju. Issa d-deċiżjoni dwar il-ħelsien mill-arrest ta’ Dalli se tingħata mill-Qorti l-ġimgħa d-dieħla.
Nazzareno Dalli li jinsab akkużat li f’Marzu li għadda pprova joqtol żewġt ibniet ta’ 12 u 15-il sena, b’diversi daqqiet ta’ sikkina, kellu diversi talbiet għall-pleġġ miċħuda wkoll mill-istess Qorti. Nazzareno, magħruf bħala Ronald, għadu għaddej proċeduri fuq każ ta’ attentat ta’ qtil ta’ żewġt ibniet meta allegatament tahom diversi daqqiet ta’ sikkina, f’inċident li kien seħħ fid-9 ta’ Marzu li għadda. Waħda mill-bniet qalgħet xejn inqas minn 16-il daqqa ta’ sikkina.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Wayne Camilleri u Ian Vella flimkien mal-Avukati Etienne Savona u Manuel Grech għall-Avukat Ġenerali. Dalli qed jiġi assistit mill-Avukati Mario Mifsud, Nicholas Mifsud, Franco Debono, Arthur Azzopardi u Jacob Magri. Għall-vittmi qed tidher l-Avukat Roberta Spiteri.
//= $special ?>