Internazzjonali

Ir-Russja: L-armla ta’ Navalny b’ambizzjonijiet għall-Presidenza

Yulia Navalnaya, il-mara tal-Kap tal-Oppożizzjoni Russa li miet f’ċirkustanzi misterjużi waqt li miżum il-ħabs fis-Siberja, iddikjarat l-intenzjoni tagħha biex issir President tar-Russja fil-futur.

Fl-istess ħin, Navalnaya, waqt intervista lill-midja tal-BBC f’Londra, insistiet li l-avversarju politiku kbir tagħha jibqa’ l-President Russu Vladimir Putin u li se tagħmel minn kollox biex ‘twaqqa’ lir-reġim tiegħu mill-aktar fis possibbli’.

Żewġha, Alexei Navalny, kien l-aktar kritiku voċiferu ta’ Putin u kien weħel 19-il sena ħabs għal estremiżmu – bl-akkużi jidhru bħala motivati minn aġenda politika. Hu miet fi Frar  taħt l-agħar kundizzjonijiet ta’ priġunerija u fejn il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, qal li ma hemm l-ebda dubju li Vladimir Putin għandu jġorr ir-responsabbiltà għat-tmiem traġiku ta’ Navalny.

Dan waqt li r-Russja ċaħdet li Navalny seta’ spiċċa l-vittma ta’ qtil premeditat min-naħa tal-Istat.

Intant, Yulia Navalnaya, li qed tgħix barra r-Russja, taf li għandha tinżamm taħt arrest malli tirritorna pajjiżha – u meta l-Gvern ta’ Putin qed jakkużaha dwar sehem f’kampanja ta’ estremiżmu. Akkuża li kapaċi tissarraf f’mewta ċerta fir-Russja ta’ Vladimir Putin.

Madankollu, Yulia Navalnaya temmen bis-sħiħ fil-ħolma li kellu żewġha għal Russja differenti u meta hi, fl-aħħar sigħat, introduċiet il-ktieb ‘Patriot’ li Alexei Navalny kien qed jikteb qabel mewtu. Okkażjoni li fiha hi insistiet dwar il-pjani tagħha biex tkompli tiġġieled għad-demokrazija f’pajjiżha u fejn qed taħseb biex, fiż-żmien opportun, tipparteċipa bħala kandidat fl-elezzjonijiet futuri tar-Russja.