Lokali Parlament

Jeħtieġ investiment qawwi fit-taħriġ tal-pulizija


Joe Giglio, PN


Ix-Shadow Minister għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Joe Giglio sostna fil-Parlament li jeħtieġ investiment qawwi fit-taħriġ tal-pulizija.

Joe Giglio appella biex ikun hemm iktar investiment fil-Korp tal-Pulizija biex il-pulizija jirreaġixxu b’mod effettiv quddiem sitwazzjonijiet diffiċli. Għalhekk l-investiment fl-Akkademja tal-Pulizija hu kruċjali, sostna d-deputat Nazzjonalista, li żied li għandhom jissaħħu wkoll il-kwalifiċi tal-persuni li jidħlu pulizija.

Jeħtieġ li jkun hemm l-imħabba lejn l-uniformi u titjib fil-kundizzjonijiet tal-pulizija biex iktar persuni jidħlu pulizija. Hu qal li l-PN qatt m’attakka lill-Kummissarju tal-Pulizija iżda għandu dritt u obbligu li jikkritika l-operat tal-Korp tal-Pulizija.

Din mhijiex kritika personali fuq il-persuna, iżda lejn kif jitmexxa l-Korp tal-Pulizija. Id-deputat Nazzjonalista qal li dan l-abbozz se jżid il-pieni iżda jekk ma jsirx investiment fit-taħriġ tal-membri tal-Korp tal-Pulizija allura mhemmx garanzija li mhux se jkun hemm ripetizzjoni ta’ dak li ġara fil-Ħamrun meta kienu attakkati żewġ pulizija.