Basketball Sport

John Tabone Shield Irġiel: Hibernians u Luxol Sherries Estates jirbħu l-gruppi rispettivi tagħhom

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Hibernians………………………104

Sigma Depiro………………….101

(24-14)(18-22)(19-18)(16-23)(8-8)(19-16)

Hibernians ħarġu rebbieħa f’partita emozzjonanti li spiċċat wara żewġ sessjonijiet ta’ ħin barrani. Huma għelbu lil Sigma Depiro 104-101 f’konfront mimli tensjoni u li ħalla lil kull min kien preżenti fuq ix-xwiek sal-aħħar sekondi. Huma dawn it-tip ta’ partiti li l-pubbliku sportiv jixtieq jara.

Żewġ timijiet li għal 11-il darba fil-partita kienu fuq skor ta’ parità u l-vantaġġ jinbidel għal 14-il darba. Hibs kellhom vantaġġ massimu ta’ 17-il punt fl-ewwel sessjoni, però Depiro, li kellhom lill-Amerikan Brandon Porter jagħmel id-debutt tiegħhu, irkupraw għal diversi drabi u offrew partita mill-isbaħ.

Hibernians bdew il-logħba bl-aħjar mod grazzi għal Ivan Demcesen u Derek Brown, li għamlu run ta’ 10-2 fl-ewwel minuti. Depiro kellhom risposta minn Nikola Bozovic u Porter, iżda Hibernians komplew bil-pressjoni qawwija fl-attakk. B’punti konsekuttivi minn Tederick Wolfe u Neil Cassar, huma għalqu l-ewwel sessjoni b’vantaġġ komdu ta’ 24-14 hekk kif lejn it-tmiem sofrew trippla ta’ Porter f’run ta’ 7-0 minn Depiro.

Depiro bdew it-tieni perjodu b’aktar effiċjenza, fejn għamlu run ta’ 10-5 grazzi għal Porter u Domnic Tomasi, li għenu biex inaqqsu d-distakk. Minkejja li Hibernians żammew il-pass, b’punti minn Attard u Cassar, Depiro komplew jagħmlu progress, speċjalment fuq turnovers tal-avversarji. B’run finali ta’ 12-7, Depiro għalqu t-tieni perjodu aktar viċin fuq 42-36 favur Hibernians.

Fit-tielet sessjoni, Depiro komplew bil-mument pożittiv tagħhom, u rnexxielhom inaqqsu l-vantaġġ ta’ Hibernians għal 45-44 grazzi għal punti minn Cornelius u Bozovic. Hibernians wieġbu bil-punti ta’ Brown u Demcesen hekk kif għaqqdu run ta’ 10-2 u sessjoni għalqet fuq skor 61-54 favur Hibernians.

L-aħħar perjodu kien eċċitanti, b’Depiro jibdew b’reazzjoni qawwija grazzi għat-trippli ta’ Miguel Brincat u Porter, u kellhom run ta’ 15-2 biex marru punti minn fuq 69-68. Fil-minuti finali, Depiro rnexxielhom jieħdu vantaġġ 77-74 b’run oħra ta’ 6-2, iżda Brown kellhu three-pointer għal Hibs biex jikkonkludi l-ħin regolamentari f’parità 77-77 u l-partita marret għall-ħin barrani.

Fl-ewwel overtime, iż-żewġ timijiet baqgħu bilanċjati. Bugeja kellhu żewġ baskets għal Depiro, però Wolfe u Gouder wieġbu għal Hibs. Brown u Wolfe poġġew lil Pawlisti fuq quddiem, però punti ta’ Porter u Bozovic ippareġjaw il-partita 85-85 għat-tieni ħin barrani.

Hawn Hibs kellhom bidu deċiżiv b’seba’ punti mingħajr risposta minn Cassar, Gouder u Brown. Depiro wieġbu fost l-oħrajn permezz ta’ trippla ta’ Porter. Fl-aħħar 18-il sekonda Hibs kienu 102-95 minn fuq iżda Cornelius għamel żewġ trippli f’temp ta’ 12-il sekonda u kellhom ikunu żewġ free-throws ta’ Brown fl-aħħar tliet sekondi li taw ir-rebħa lil Hibs fuq skor finali ta’ 104-101.

Hiberians: N. Cassar 15, T. Wolfe 25, D. Brown 32. P. Attard, L. Attard, V. Kustudija, A. Axiaq, M. Gouder 4, M. Attard 3, M. Mallia 2, I. Demcesen 19, S. Simic 4.

Sigma Depiro: C. Barrs 5, S. Galea. D. Bugeja 13, N. Bozovic 10, L. Stefanovic, A. Trapani, D. Tomasi 5, S. Kenely, M. Brincat 12, C. Cornelius 19, M. Debattista, B. Porter 37.

Referees: Bernard Vassallo, Nicky Azzopardi, Nestor Rincon.

Athleta AtoZ………….122

Tigers……………………..64

(30-16)(27-17)(20-17)(45-14)

Athleta AtoZ temmew l-impenji tagħhom fil-logħob tas-Shield b’rebħa fuq Tigers 122-64. Athleta bdew tajjeb, fejn wara li Tigers għamlu l-ewwel ħames punti, huma ħadu vantaġġ b’run ta’ 15-2, bill-punti ta’ Caleb Matthews u Kurt James. Tigers irnexxielhom iwieġbu fost l-oħrajn bi trippla ta’ Matt Brown u Ferdinana Lisondra qabel ma Athleta kellhom it-trippli ta’ Mirco Azzopardi u Matthews għal skor ta’ 30-16 favur Athleta.

It-tieni sessjoni rat lil Athleta jżommu l-pressjoni fuq Tigers. Robert Vitale u Matthews kellhom sensiela ta’ punti f’run ta’ 12-4 fl-ewwel ħinijiet tal-perjodu. Wara trippla ta‘ Keith Micaller għal Tigers, iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex Athleta daħlu jistrieħu 57-33 minn fuq.

Athleta fetħu t-tielet perjodu bi break ieħor ta’ 12-3 bit-trippli ta’ Vitale u Matthews. Tigers wieġbu bi trippli minn Sassoun Saakian, Matthews u Micaller, però Athleta baqgħu fil-kontroll u kellhom vantaġġ ta’ 27 punt fi tmiem it-taqsima 77-50.

Fl-aħħar perjodu, Athleta wrew superjorità fejn fetħu b’run qawwija ta’ 19-3, b’punti konsekuttivi minn James, Vitale u Bozanic. Tigers, għalkemm ippruvaw iwieġbu b’xi punti minn Brown, ma setgħux ilaħħqu mal-intensità tal-avversarji. Athleta għaqqdu l-mitt punt b’punti ta’ James hekk kif għamlu run oħra qawwija ta’ 26-2. Fost l-oħrajn, huma kellhom tliet trippli taż-żagħżugħ Luca Borg flimkien mal-punti ta’ James u Krusimir Fabri. Athleta għalqu l-logħba fuq skor finali ta’ 122-64 u issa jippreparaw għall-kampjonat bit-tieni partita kontra Hibernians fit-8 ta’ Novembru.

Athleta AtoZ: K. Fabri 3, C. Matthews 28, K. James 43, B. Zammit 2, R. Vitale 16, L. Borg 9, E. Abela, A. Bozanic 6, M. Farrugia, A. Garzia, J. Cefai 6, M. Azzopardi 9.

Tigers: E. Masilungan 2, M. Brown 25, K. Micaller 13, M. Jalkh 7, D. Constantino 4, F. Lisondra 5, S. Saakian8.

Referees: Fiorentina Ciurariu, Nicky Azzopardi, Nestor Rincon

Starlites JSD…………………………….86

Luxol Sherries Estates……………96

(23-24)(25-25)(15-22)(23-25)

F’partita oħra mill-isbaħ, Luxol Sherries Estates għelbu lil Starlites JSD 96-86 biex temmew Grupp B fl-ewwel post u issa jiltaqgħu kontra Depiro fis-semifinali tal-Ħadd li ġej filwaqt li Starlites jilagħbu kontra Hibernians.

Il-partita kienet missielta fejn minkejja li c-champions fetħu vantaġġ ta’ 9 punti, fit-tieni sessjoni sofrew ir-rimonta ta’ Luxol grazzi għat-trippli ta’ Darron Howard u Nathan Xuereb li bejniethom kellhom 10 three pointers. Luxol ħadu kontroll fill-bidu tal-logħba b’run ta’ 8-0, bill-punti ta’ Howard u Caleb Jones Mccrary. Starlites irrispondew bil-baskets minn Trevon Reddish u Ian Felice Pace. Il-perjodu baqa’ bilanċjat b’punti fuq iż-żewġ naħat fejn wara li Luxol fetħu vantaġġ ta’ 8 punti 24-16, Starlites għalqu s-sessjoni b’run ta’ 7-0 bil-punti ta’ Joseph Davies u Reddish għal skor ta’ 24-23 favur Luxol.

Fit-tieni sessjoni, Starlites bdew b’mod aggressiv, fejn bdew b’run ta’ 7-0 bi trippla minn Andrew Aquilina u għamlu l-iskor 30-24 favurhom. Luxol kellhom trippla minn Vukassin Jandric fl-ewwel partita tiegħu, però punti minn Curran u Matthew Scerri raw lil Starlites jiftħu vantaġġ ta’ 9 punti 38-29. Hawn però Luxol għamlu run ta’ 13-0 b’sensiela ta’ trippli minn Xuereb, Jean Paul Schembri u Howard. Starlites irrispondew b’punti minn Davies u Kurt Xuereb biex fl-intervall Luxol kellhom vantaġġ ta’ punt, 49-48.

Fit-tielet perjodu, Luxol ħarġu b’aktar determinazzjoni u kellhom fost l-oħrajn break qasir ta’ 10-4 bil-punti ta’ Jones Mccrary u Howard għal skor ta’ 58-52. Starlites ġew lura bil-punti ta’ Davis u Reddish qabel ma Luxol kellhom trippla minn Howard u l-punti ta’ Stefan Cappello għal skor ta’ 71-62.

Fl-aħħar perjodu, Starlites għamlu sforz biex inaqqsu d-distakk b’run ta’ 8-3 grazzi għal Davis u Scerri, li wassluhom sa ħames punti ‘l bogħod 72-77. Hawn Luxol għamlu run deċiżiva ta’ 15-4 bi trippli minn Jandric u Howard. Starlites reġgħu naqqsu d-distakk għal seba’ punti wara trippla ta’ Scerri u punti ta’ Davies u Reddish, però Luxol serrħu rashom mir-riżultat bl-aħħar free-throws ta’ Schembri u Howard biex ħarġu rebbieħa 96-86.

Starlites JSD: B. Curran 4, J. Davies 9, A. Aquilina 10, I. Felice Pace 5, M. Fabri 5, L. Riolo, M. Scerri 14, L. Farrugia, K. Xuereb 1, N. Sultana, K. Mortensen 5, T. Reddish 33.

Luxol Sherries Estates: D. Howard 29, E. Caruana Montaldo, A. Azzopardi, I. Azzopardi, V. Jandric 15, JP Schembri 7, N. Xuereb 16, P. Engelbert, N. Bukva, C. McCrary 19, S. Cappello 10.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Fiorentina Ciurariu, Miguel De Flavia.

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

Valletta jieħdu l-ewwel rebħa fil-kampjonat…minn Colin Schembri

Athleta AtoZ………71

Valletta Lions…….91

(14-24)(19-18)(21-12)(17-27)

Valletta Lions kisbu rebħa l-ewwel rebħa tal-kampjonat bl-iskor ta’ 91-71 kontra Athleta wara żewġ telfiet fil-partiti mis-shield. Għalkemm Athleta rnexxielhom iżommu l-pass għal ċerti ħinijiet tal-partita, Valletta kienu kostanti fil-vantaġġi tagħhom speċjalment wara bidu qawwi fl-ewwel sessjoni.

Valletta bdew b’mod aggressiv, fejn fl-ewwel minuti wettqu run ta’ 9-0, b’Eric Terry u Piotr Stelmach jagħmlu l-punti speċjalment b’sensiela ta’ free-throws. Athleta rrispondew permezz ta’ Robert Vitale u Kurt James li kellu żewġ trippli. Valletta komplew bil-punti tagħhom, fejn Stelmach u Lorenzo Anderson żiedu l-punti f’run qasira ta’ 7-2 li temmet is-sessjoni fuq 24-14 favur Valletta.

Fit-tieni perjodu, Athleta ppruvaw iwettqu reazzjoni b’basket ta’ James u trippla ta’ Vitale. Minkejja li Anderson u Terry wieġbu għal Valletta, Athleta baqgħu jirrispondu b’punti minn Isaac Xuereb u trippla ta’ Mirco Azzopardi. Valletta kienu irrispondew, b’Stelmach u Terry biex daħlu jistrieħu 42-33 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni, Athleta naqqsu d-distakk fejn bdew bi trippla oħra minn Azzopardi u basket ta’ Vitale  Ir-risposta ta’ Valletta kompliet tiġi primarjament minn Anderson u Stelmach f’żewġ breaks qosra ta’ 10-6. James u Andrej Bozanic wieġbu għall-Athleta, però Valletta għalqu s-sessjoni fuq 64-54 fuq quddiem.

Fl-aħħar sessjoni, Valletta ħadu kontroll sħiħ tal-logħba. Huma kellhom fost l-oħrajn run qawwija ta’ 23-5 grazzi għal Terry u Nicola Vasovic flimkien ma’ Nicholas Grech, u laħqu l-ogħla vantaġġ tagħhom fuq skor ta’ 87-59. Athleta kellhom trippla minn Caleb Matthews u Bozanic, però kienu għadhom ‘il bogħod ħafna mill-avversarji hekk kif Valletta għalqu b’rebħa ta’ 91-71.

Athleta AtoZ: C. Matthews 8, K. James 27, B. Zammit, R. Vitale 16, I. Xuereb 2, L. Borg 2, E. Abela, A. Bozanic 4, M. Farrugia, A. Garzia, J. Cefai 3, M. Azzopardi 9.

Valletta Lions: N. Grech 6, L. Anderson 32, F.Mifsud Bonnici 6, N. Da Silva, A. Attard, P. Stelmach 19, A. Attard, D. Schembri, J. Camilleri, N. Vasovic 8, M. Farrugia, E. Terry 20.

Referees: Bernard Vassallo, Fiorentina Ciurariu, Nicky Azzopardi.