Lokali Qorti Saħħa

Il-kumpanija Steward għandha tħallas €36.8 miljun f’arretrati tal-VAT

Il-Qorti tal-Appell Krimnali preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, ikkonfermat li l-kumpanija Steward għandha tħallas is-somma ta’ €36.8 miljun f’arretrati ta’ VAT flimkien mal-imgħaxijiet. Għaldaqstant, Steward Healthcare tilfet kawża li kienet fetħet hi stess fil-Qorti dwar il-ħlas ta’ €36.8 miljun f’VAT.

L-ammont totali ta’ €36.8 miljun huwa dovut għall-perjodu li jibda minn Mejju 2016, sa Ġunju 2021, u jinkludi €32.9 miljun f’taxxa dovuta, €3.48 miljun f’imgħax, u €384,000 f’penali. Din is-sentenza ssegwi l-kontestazzjoni ta’ Steward dwar mandat ta’ sekwestru li ħareġ il-Kummissarju tat-Taxxi f’Marzu tal-2023 biex jiġbor l-ammont imsemmi f’arretrati ta‘ taxxi.

Steward argumentat li l-ordni ta’ sekwestru kienet abbużiva u fl-appell insistiet li l-kontestazzjoni dwar l-arretrati tat-taxxa kienet għadha pendenti quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva. Madankollu, il-Qorti tal-Appell ċaħdet il-kontestazzjoni ta’ Steward, billi sostniet li minkejja li hemm proċeduri pendenti, l-avviż tat-taxxa għadu validu u jikkostitwixxi titolu eżekuttiv.

Hija ċaħdet ukoll li l-Kummissarju tat-Taxxi aġixxa b’malafade bħala parti minn strateġija usa‘ min-naħa tal-Gvern Malti u l-entitajiet tiegħu. Il-Qorti qalet ukoll li dawn il-proċeduri legali dwar il-validità tat-taxxa ma jwaqqfux lill-Kummissarju tat-Taxxi milli jftittex jiġbor dak li hu dovut, sakemm ma jkunx hemm deċiżjoni definittiva li tħassar dan l-avviż.

Il-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li l-fatt li l-Kummissarju tat-Taxxi pproċeda bil-proċess ta’ ġbir ta‘ taxxi dovuti, mhu l-ebda prova ta‘ mala fede anzi qalet li kellu d-dmir jipproċedi biex jiġbor it-taxxa dikjarata u għalhekk ċaħdet l-appell ta‘ Steward.

Il-Partit Nazzjonalista kien irrimarka li l-Gvern kien konxju tal-fatt li Steward ma kinitx ħallset il-VAT imma minkejja dan, baqa’ jagħtiha l-miljuni f’fondi.