“Kun parti mis-suċċess ta’ pajjiżna” – PN

Imniedi l-indirizz tal-email ideat@pn.org.mt biex int tkun tista’ tagħti l-ideat tiegħek għall-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista. Kif ħabbar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ilbieraħ, il-poplu Malti u Għawdxi qed jiġi mistieden ikun parti ħajja mit-tfassil tal-programm elettorali li se jwassal biex Gvern ġdid Nazzjonalista jieħu lil dan il-pajjiż fid-direzzjoni ġdida li għandu bżonn.

Il-Partit Nazzjonalista jrid li l-proċess tat-tfassil tal-programm elettorali tiegħu għall-elezzjoni ġenerali li jmiss ikun wieħed li jinkludi lil kulħadd, u għalhekk se jkun qed jisma’ mhux biss l-ideat tal-għaqdiet, kif diġà beda jagħmel, imma anke jilqa’ s-suġġerimenti tan-nies.

Dettalji dwar dan tħabbru minn Dr George Vital Zammit fuq NET TV illejla wara li lbieraħ il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ħabbar li se jkun qed jinkarigah biex jaħdem fuq il-programm elettorali tal-PN.

Dr George Vital Zammit huwa akkademiku fi ħdan l-Università ta’ Malta u se jkun qed jaħdem fuq dan il-programm flimkien ma’ tim magħmul minn esperti u kontributuri minn diversi oqsma.

Madankollu l-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ li kull individwu għandu d-dritt li jagħti l-ideat tiegħu u qed jiftaħ dan il-proċess sabiex kulħadd ikun jista’ jkun parti ħajja minn dan il-programm.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lil kull min irid ikun parti mis-suċċess ta’ dan il-pajjiż biex jagħmel il-biċċa tiegħu u jikkontribwixxi billi jibgħat email fl-indirizz li nħoloq apposta.