Internazzjonali

L-Awstralja: Ir-Re Karlu akkużat b’ġenoċidju wara diskors fil-Parlament ta’ Kanberra

Ir-Re Karlu tal-Ingilterra għadda minn xi mumenti skomdi ħafna waqt iż-żjara li qed jagħmel fl-Awstralja u meta hu kien involut f’’inċident’ li qed ikun diskuss bir-reqqa fil-Parlament tal-pajjiż….Dan b’mod partikulari wara li r-Re kien akkużat f’wiċċu dwar ‘ġenoċidju’ kontra l-poplu indiġenu tal-Aboriġini u bħala r-Rappreżentant Ewlieni tal-Monarkija Britannika.

Lidia Thorpe, Senatur u mara Awstraljana ta’ nisel Aboriġini, interrompiet ċerimonja fejn ir-Re kien indirizza l-Parliament House f’Kanberra bl-istorbju u għajjat li ‘Karlu mhux ir-Re tagħha’ u li ‘l-Awstralja ma taqax taħt is-sovranità tiegħu’. Hi, imbagħad, ixukkjat lil kulħadd preżenti bl-akkużi dwar ‘ġenoċidju kontra l-Aboriġini’.

Intant, Aunty Violet Sheridan, bħala rappreżentanta ewlenija tal-poplu indiġenu tal-Aboriġini, qalet li l-kummenti ta’ Thorpe kienu ‘barra minn lokhom u diżrispettużi’ filwaqt li sostniet li s-Senatur ma kenitx qed titkellem għaliha.

Sheridan, qabel, kellha laqgħa kordjali mar-Re u ma’ martu Camilla, li qed takkumpanjah għal din iż-żjara.

U wara li konkluda ċ-ċerimonja fil-Parlament, ir-Re mar biex jiltaqa’ mal-mijiet tan-nies li kienu nġabru barra l-bini tal-Parlament biex jagħtuh merħba.

Wara l-protesta, Lidia Thorpe iddefendiet l-aġir tagħha waqt li qalet li hi riedet tibgħat ‘messaġġ ċar’ lir-Re Karlu’ filwaqt li tfakkru li ‘hu ma għandu xejn x’jaqsam mal-poplu kollu tal-Awstralja’.