Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ordnat li f’ġuri li għad irid jinstema’ dwar il-qtil ta’ impjegat tal-BOV, ma ssirx referenza lill-ġurati għall-istqarrijiet taż-żewġt irġiel li jinsabu mixlijin bid-delitt. Il-vittma kien miet meta ntlaqat minn tir f’rasu.
James Vella, ta’ 44 sena, u Christopher Scerri, ta’45 sena, qed jistennew li jgħaddu ġuri b’rabta mal-qtil ta’ Alphonse Ferriggi fit-18 ta’ Settembru tas-sena 2000. Il-vittma kellu 42 sena. Ferriggi, messaġġier mal-BOV, mar jiġbor xi dokumenti mill-fergħa ta’ San Ġwann meta ġie mwaqqaf minn erba’ rġiel li wieħed minnhom sparalu.
Dwar dan il-qtil il-Pulizija ressqet liż-żewġ akkużati kif ukoll lil Richard Grech u Joseph Zammit. Fl-2009 Zammit kien ikkundannat 31 sena ħabs wara li nstab ħati ta’ komplċità fil-qtil għalkemm fl-2011 kellu s-sentenza mnaqqsa b’sena u nofs. Grech kien ikkundannat għomru l-ħabs fl-2011 wara li nstab ħati tal-qtil.
Fis-sottomossijiet legali li jsiru qabel il-ġuri, Vella u Scerri ilmentaw li huma ma ngħatawx id-dritt li jkunu assistiti minn avukat waqt l-interrogazzjonijiet tal-Pulizija u talbu li l-istqarrijiet li taw lill-investigaturi ma jitressqux bħala prova fil-ġuri.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kkonkludiet li għalkemm il-liġi kienet tipprovdi li jikkonsultaw ma’ avukat jew prokuratur legali, dan id-dritt ma kienx infurzat qabel l-10 ta’ Frar 2010. Għaldaqstant laqgħet it-talba tagħhom u ordnat li l-istqarrijiet li taw jiġu sfilzati, jiġifieri jitneħħew, mill-provi fil-ġuri li għad irid jinstema’.
L-ewwel kap tal-akkuża dwar il-qtil tgħid li f’xi żmien fis-sajf tas-sena 2000, ċertu Richard Grech, li kien joqgħod f’appartament f’San Gwann, innota li xi darbtejn fil-ġimgħa, kmieni filgħodu, kienet tiġi persuna b’karozza bajda fil-fergħa tal-Bank of Valletta ta’ San Gwann biex tiddeposita xi basktijiet.
Richard Grech daħħalha f’rasu li din setghet tkun opportunità biex jagħmel serqa tajba. Għalhekk huwa tkellem ma’ xi persuni oħra, fosthom James Vella u Christopher Scerri, li aċċettaw li jgħinuh f’din l-operazzjoni.
Fit-18 ta’ Settembru ta’ dik is-sena, ftit wara 5pm., l-akkużati flimkien ma’ Richard Grech u persuna oħra marru bil-karozza jistennew lil din il-persuna tiddeposita l-basktijiet fil-fergha tal-Bank of Valletta ta’ San Gwann, u jisirqulu l-oġġetti li jkollu fuqu.
Għall-ħabta tal-5.30am, u ċioè qabel it-tlugħ tax-xemx, tfaċċa messaġġier tal-bank, Alphonse Ferriggi, sabiex jiddeposita xi basktijiet f’kaxxa apposita li tinstab mal-faċċata ta’ dan il-bank. Kif niżel mill-vettura u fetaħ il-‘luggage booth’ u ħareg il-basktijiet, l-akkużati u l-persuni li kienu magħhom, li kienu kollha mgħammdin, ħargu mill-vettura tagħhom, ippuntaw senter lejn Ferriggi u, dolożament, bil-ħsieb li joqtluh jew iqegħdulhu ħajtu f’periklu ċar, tawh tir ġo rasu u qatluh biex b’hekk eliminaw kull xkiel li seta’ jkollhom fl-esekuzzjoni tas-serqa ppjanata.
Huma mbaghad ħadu u serqu tliet basktijiet, a dannu u kontra l-volontà tas-sidien tal-Bank of Valletta u ta’ persuni oħra. Irriżulta li dawn il-basktijiet kienu jikkontjenu biss materjal tal-posta. Huma qed jiġu akkużati li ppjanaw is-serqa, li ssekwestraw lill-vittma, li sparawlu b’arma u li ma kellhomx liċenzja fuq l-arma li ntużat.
//= $special ?>