Il-Maġistart Rachel Montebello li qed tisma’ l-kumpilazzjoni fil-konfront tal-ħames persuni mixlija bil-qtil involontarju ta’ Jean Paul Sofia, ġiet infurmata mill-partijiet li ma baqax aktar provi x’jitressqu fuq il-każ. Dan wara li l-prosekuzzjoni u d-difiża ddikjaraw li m’hemmx iżjed xhieda x’jitressqu
Il-pass li jmiss huwa li joħorġu l-artikoli skont il-liġi fuq il-każ fejn irid jiġi deċiż jekk il-każ jiġix ġudikat mill-Qorti tal-Maġistrati jew jispiċċax ġuri. Dan dejjem skont x’tiddeċiedi l-Avukat Ġenerali u wara d-difiża tal-akkużati.
Id-Direttur tal-kumpanija Allplus Limited u White Frost Company Limited, Matthew Schembri ta’ 38 sena minn Birkirkara; u Kurt Buhagiar ta’ 39 sena min-Naxxar; il-Perit Adriana Zammit ta’ 35 minn Ħaż-Żabbar; id-Diretturi ta’ Milmar Construction Ltd Milomir Jovicevic ta’ 39 sena; u martu Dijana ta’ 39 sena; qed iwieġbu mhux ħatja li kkawżaw il-mewt ta’ Sofia fl-età ta’ 20 sena f’kollass ta’ kostruzzjoni f’Kordin.
Il-kumpilazzjoni ta’ tlett irġiel u żewġ nisa li qed iwieġbu mhux ħatja tal-omiċidju involontarju taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, li miet fl-età ta’ 20 sena f’Diċembru tal-2022, kienu bdew jinstemgħu nhar l-Erbgħa, 9 ta’ Awwissu fl-10:30am.
Sofia nqatel f’inċident wara li bini ta’ tliet sulari li kien qed jaħdem fih waqa’ waqt xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Dakinhar ħamest irġiel, tliet Albaniżi, Malti u Bosnjan kienu ġew salvati minn membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Il-ħamsa qed jiġu mixlija li kkawżaw il-mewt ta’ Jean Paul Sofia u b’feriment ta’ ħames ħaddiema oħra, identifikati bħala Vladimir Laketic, Gentjan Carku, Lulzim Carku, Denis Carku, u Sammy David Curtis u li b’negliġenza kkawżaw ferita gravi lill-istesss ħames ħaddiema.
Il-Perit Adriana Zammit waħedha ġiet mixlija li naqset mid-dmir tagħha li twettaq xogħlijiet fuq il-proprjetà skont l-aħjar prattiċi u standards tal-industrija għall-ħarsien tal-ambjent u z-zoni immedjati, l-utenti tagħha u l-pubbliku ġenerali.
L-iżviluppatur Matthew Schembri waħdu jinsab akkużat b’falsifikazzjoni ta’ dokument pubbliku jew kummerċjali awtentiku, permezz ta’ falsifikazzjoni tal-firma ta’ wieħed bl-isem ta’ John Muscat fuq l-Avviż tal-Bidu fis-sit tal-bini, li xjentement għamel użu mid-dokument falsifikat imsemmi, li xjentement ta informazzjoni falza lil awtorità pubblika sabiex jikseb vantaġġ jew benefiċċju għalih innifsu jew għal xi ħadd ieħor; u tagħmel it-tieni falsifikazzjoni jew użu ta’ Avviż ta’ Bidu falsifikat ieħor.
Schembri u Kurt Buhagiar flimkien, fil-kapaċitajiet personali tagħhom u bħala diretturi ta’ Allplus Limited; u Schembri bħala direttur ta’ White Frost Company Limited u Milomir Jovicevic fil-kapaċità personali tiegħu u bħala direttur ta’ Milmar Construction Ltd; u Dijana Jovicevic bħala direttur ta’ Milmar Construction Ltd; ġew akkużati li naqsu mid-dmirijiet tagħhom bħala impjegaturi biex jiżguraw is-sigurtà tal-impjegati tagħhom, billi naqsu milli jieħdu prekawzjoni dwar il-ħsara fiżika jew mewt meħtieġa fuq il-post tax-xogħol.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-ispetturi Paul Camilleri u Antonello Magri. L-akkużati huma assistiti mill-avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi, Jacob Magri, Steven Tonna Lowell u Timothy Bartolo. L-avukati Joe Giglio u David Bonello qed jidhru bħala parte civile.
//= $special ?>