Lokali Parlament

Owen Bonnici ma jafx x’se jaqbad iwieġeb dwar l-għases tal-pulizija magħluqa madwar Malta u Għawdex kollha


Il-Ministru Owen Bonnici ma kienx jaf x’se jaqbad iwieġeb dwar il-politika tal-Gvern Laburista li spiċċa għalaq nofs l-għases tal-pulizija ta’ Malta u Għawdex.

Kien fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari fis-seduta tal-lum li l-Ministru Owen Bonnici kien ikkonfrontat b’mistoqsijiet supplimentari mid-deputati Nazzjonalisti Darren Carabott u Toni Bezzina li staqsew dwar l-ilmenti li diversi kunsilli lokali qed jagħmlu mal-Ministeru tal-Intern jew mal-ministeru responsabbli mill-kunsilli lokali dwar l-għeluq tal-għases fil-lokalitajiet.

Dan is-suġġett tqanqal fil-Parlament mix-Shadow Minister għall-Intern Darren Carabott li l-ġimgħa li għaddiet fil-Parlament ta lista sħiħa ta’ għases tal-pulizija madwar Malta u Għawdex. Nhar il-Ħadd li għadda, il-gazzetta Il-Mument ippubblikat ir-ritratti tal-għases tal-pulizija magħluqa madwar Malta u Għawdex.

Fis-seduta parlamentari tal-lum, il-Ministru Owen Bonnici qal biss li f’Marsacala, li hi parti mid-distrett elettorali tiegħu, illum hemm Għassa tal-Pulizija miftuħa u tiffunzjona u li l-uniku ilment li hemm hu biss dwar il-lift fl-istess għassa.

Il-Ministru Bonnici kompla jaħrab mid-domandi dwar jekk irċeviex ilmenti mingħand xi kunsill lokali, li tagħhom hu responsabbli, u qal biss li l-gvern hu miftuħ beraħ għad-diskussjoni mal-kunsilli lokali.