Lokali

Raġel jinżamm arrestat wara li nstab li kellu numru ta’ qratas ta’ kokaina fil-pussess tiegħu

Raġel ta’ 28 sena residenti San Pawl il-Baħar inżamm arrestat wara li nstab li kellu numru ta’ qratas b’sustanza bajda fil-pussess tiegħu.

Skont stqarrija ppublikata mill-Pulizija, jidher li waqt ronda li kienet qed issir fi Triq il-Port Ruman, f’San Pawl il-Baħar il-Pulizija waqqfu raġel li kien qed jagħmel użu mill-mobile li kien qiegħed isuq.

Il-Pulizija sabu li ma kellux liċenzja tas-sewqan valida, filwaqt li nstabet borża b’ammont ta’ qratas ta’ kokaina u ammont ta’ flus kontanti wara li saret tfittxija fil-vettura li kien qed isuq.

Kien għalhekk li r-raġel ġie arrestat u qed jinżamm fil-lock up tal-Pulizija fil-Furjana.

Huwa se jkun qed jitressaq il-Qorti llum quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.