Żagħżugħ ta’ 28 sena akkużat b’pussess ta’ kokaina wara li twaqqaf mill-Pulizija talli kien qed juża l-mobile phone waqt li kien qed isuq, ingħata l-libertà proviżorja minkejja oġġezzjonijiet mill-prosekuzzjoni.
Ryan Anthony Genovese kien qed isuq il-karozza tiegħu waqt li kien qed juża l-mobile, u wassal lill-pulizija biex jitfgħuh fil-ġemb tat-triq u jistaqsuh għal-liċenzja tas-sewqan, li dak il-ħin ma kellux fuqu. L-inċident seħħ fi Triq il-Port Ruman, San Pawl il-Baħar, il-Ħadd, 20 ta’ Ottubru, għall-ħabta tas-1:30pm.
Il-Pulizija xammew riħa ta’ cannabis fuq ix-xufier u malli fittxewlu sabulu erba’ qratas kokaina. Wara aktar investigazzjoni, instab li hu jgħix mal-ġenituri tiegħu f’San Pawl il-Baħar, fejn hemm instabu ħames grammi oħra ta’ kokaina.
Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest tal-akkużat, madankollu l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal dan, fuq il-bażi tal-gravità tal-att. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Clare Stafrace Zammit, ikkonċediet il-ħelsien mill-arrest tar-raġel.
Genovese ngħata l-libertà proviżorja u jrid jiffirma bejn l-10am u s-7pm fl-Għassa tal-Qawra. Huwa ġie ordnat iħallas depożitu ta’ €1,000 b’garanzija personali ta’ €10,000.
L-avukat Martina Herrera kienet l-avukat difensur, filwaqt li l-Ispettur Mark Cremona u l-avukat Julian Scicluna mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, mexxew il-prosekuzzjoni.