Lokali

“Robert Abela jrid ikun Prim Ministru u mhux avukat għall-voti” – BirdLife Malta

“Mhux xebbajtuna biss, imma issa qażżistuna.”

Din kienet l-għajta ta’ BirdLife Malta t-Tnejn waranofsinhar quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru fil-Belt Valletta hekk kif l-NGO kkundannat b’saħħa d-deċiżjoni tal-Gvern ta’ Abela li jerġa’ jiftaħ l-istaġun tal-insib għal seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana.

BirdLife Malta insistiet li r-riċerka għal 3,500 nassab hija biss skuża, bil-President tal-NGO, Darryl Grima jappella lill-Gvern sabiex jirrispetta l-liġi u d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Grima insista li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li jerġa’ jiftaħ l-istaġun huwa sfida diretta u ċara fil-konfront tal-Qorti u li juri li Abela jinteressah biss mill-voti.

Huwa insista li dan mhux l-uniku każ fejn Robert Abela għażel li jkun l-avukat tal-ispekulaturi fil-Kabinett filwaqt li ħeġġeġ lil dawk kollha ta’ rieda tajba biex ikollhom il-kuraġġ li jiqfulhu u mhux jieħdu pożizzjoni partiġjana.

Mistoqsi jekk f’dawn il-ġimgħat Robert Abela kellimx lil BirdLife biex jisma’ l-pożizzjoni tagħhom, Grima insista li le, madanakollu hu ma jippretendix li fuq din il-kwistjoni jkollu jagħmel laqgħa magħhom.

Net News tkellem ukoll ma’ Nicholas Barbara li kkritika lill-Prim Ministru Robert Abela u l-Minsitru Clint Camilleri fejn insista li bl-avviż legali li l-Gvern ippubblika tul il-jum tal-Ħadd, qed jipprova jqarraq bil-poplu.

Dan filwaqt li insista li fl-istaġun ta’ din is-sena hemm potenzjal li jinqabdu ħafna aktar għasafar tal-għana għaliex aktar minn 2,800 sit tal-insib ingħatalhom permess li joperaw kuljum għal xahrejn, 235 mansab aktar mill-ammont ta’ mnasab permess għal tal-għana s-sena l-oħra.