Lokali

Tħassib li l-Għar ta’ Mixta se jkun ikkapparrat

Għadd ta’ persuni li f’dawn il-jiem kienu fil-gżira Għawdxija għal skop ta’ trekking, għokrithom għajnhom li terzi persuni huma interessati li jikkapparraw parti miz-zona fejn hemm l-Għar ta’ Mixta li jiġi fuq ir-Ramla l-Ħamra.

Dawn il-persuni li tkellmu ma’ Il-Mument qalu li appena bil-mixja tagħhom waslu fl-inħawi, sabu jilqugħhom sinjali biex ma jidħlux f’ċerti partijiet biswit dan l-Għar. Huma bagħtulna wkoll għadd ta’ ritratti li jikkonfermaw dak li għamlu terzi persuni biex jimpedixxu lin-nies li jgawdu l-inħawi billi jidħlu – kif għandhom kull dritt – fiz-zoni fejn jixtiequ.

Apparenement jidher li dan il-grupp ta’ persuni li żar l-inħawi sab ukoll kaxxa biex fiha jitfa’ l-flus għal skop ta’ żamma tal-Għar ta’ Mixta nadif… “Tips for cleaning Mixta Cave”…!

Bħallikieku l-persuna konċernata ħadet il-briga li tindokra dan l-Għar u l-inħawi u b’apprezzament trid lil dawk li jżuru l-inħawi biex jitfgħu l-flus f’kaxxa apposta.

L-Għar tal-Mixta hu ta’ attrazzjoni unika f’Għawdex u jagħti veduta mill-aktar suġġestiva u impressjonanti tal-Ramla l-Ħamra minn fuq. Dan hu Għar li fl-aħħar snin kompla jikseb aktar popolarità għall-fatt li kemm Għawdxin, Maltin u anki turisti jżuruh waqt passiġġati li jkunu qed jagħmlu fl-inħawi.

Madankollu – anki għaliex Il-Mument ikkonferma l-informazzjoni li waslitlu – jidher li issa xi persuni jew persuni mhux magħrufa poġġew ġebel fit-truf tal-entratura għall-Għar u fuqhom kitbu li mhux permessi Bar-B-Q’s u campings. Ħafna jaqblu ma’ dan, imma ħafna qed jistaqsu wkoll jekk dan hux l-ewwel pass biex xi persuni privati jagħlqu l-aċċess għal dan l-għar.

Kumment partikolari fuq il-midja soċjali kien li wieħed jippretendi li sinjali ta’ dan it-tip isiru mill-awtoritajiet u mhux minn xi persuni privati kif inhu allegat li huma dawn is-sinjali.

Mhux magħruf fil-fatt jekk l-awtoritajiet konċernati humiex konxji minn dan kollu u jekk iva x’qed jistennew milli jieħdu azzjoni biex abbużi bħal dawn ma jkunux permessi… darba naqblu li din hi zona pubblika u taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern.

Sadattant, anki bdiewa li għandhom raba’ fl-inħawi qegħdin jispekulaw li hemm xi ħadd partikulari li għandu interess li jikkapparra din iz-zona biswit dan l-Għar u qed jimmanuvra biex b’xi mod jew ieħor tingħatalu bi qbiela.

Dwar dak li qiegħed jiġri fl-Għar ta’ Mixta, Il-Mument talab ukoll il-kummenti ta’ Luke Said, attivist Għawdxi li jimmilita f’għaqdiet mhux governattivi Għawdxin, li qal li dan l-Għar, li mhuwiex biss ġawhra naturali, iżda ukoll joħloq impjiegi fl-industrija tat-turiżmu. U għalhekk huwa kruċjali li jintlaħaq bilanċ sostenibbli, iżda dan qatt ma jista’ jseħħ meta ma jkun hemm ebda ħoss minn’ xi entità governattiva fuq dan is-sit. Anke jekk Visitgozo kontinwament iħeġġu lin-nies biex iżuru. Minn żibel, sa skart tal-kostruzzjoni biswit is-sit, sa sigurtà u aċċessibbiltà, manutenzjoni u monitoraġġ, il-gvern Malti għandu l-obbligu li jieħu ħsiebu.