Lokali

Wirja unika bir-ritratti ta’ Giacomo Puccini

Ritratt: Martin Agius

Għal dawk li għandhom għal qalbhom il-fotografija, żgur li ma jistgħux jitilfu l-wirja ta’ Giacomo Puccini li qed titella’ fil-mitt anniversarju mill-mewt tiegħu.

Puccini, apparti li huwa magħruf bħala kompożitur, kien iħobb jipprattika l-fotografija tant li kien beda jieħu r-ritratti fl-1894.

Infatti, preżentament fil-Parlament hemm wirja ta’ madwar 25 ritratt meħuda minn Giacomo Puccini f’diversi pajjiżi li żar matul ħajtu. F’din il-wirja bl-isem ‘Puccini Photographer: Qual occhio al mondo’ wieħed jista’ jara aspett ta’ Puccini minn lenti differenti.

Din l-esebizzjoni ġiet organizzata mill-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, b’kollaborazzjoni ma’ numru ta’ għaqdiet Taljani.

Il-wirja li tinsab fil-Parlament, saret ukoll f’numru ta’ pajjiżi oħra, inkluż fil-belt ta’ Lucca fejn proprju għex u trabba Puccini.

L-aktar aspett interessanti ta’ din il-wirja żgur li hi l-kamera li Puccini kien juża biex jieħu r-ritratti li bħalissa tinsab f’pajjiżna għal din il-wirja. Oġġett storiku li dawk li għandhom għal qalbhom il-fotografija żgur li se japprezzaw il-valur tiegħu.

Apparti minn hekk, numru ta’ studjużi qalu wkoll li Puccini kien jiffirma r-ritratti tiegħu b’mod mill-aktar partikolari, hekk kif f’numru ta’ ritratti huwa jinkludi d-dell tiegħu li jingħaraf mill-kappell li tant kien iħobb jilbes.

Din il-wirja se ddum miftuħa għall-pubbliku sa Diċembru filwaqt li se jsiru numru ta’ attivitajiet oħra; fosthom kunċert fid-29 ta’ Novembru fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fejn se jintuża orgni li ilu ma jindaqq għal għexieren ta’ snin.

Imbagħad, se jkun hemm kunċert fit-Teatru Manoel kif ukoll Simpożju f’Diċembru li ġej.