Wara aktar minn 12-il sena, il-Gvern Laburista baqa’ ma wettaqx il-wegħda tiegħu stess, li jibni Qorti ġdida f’Għawdex u ħalla s-sistema tal-ġustizzja f’Għawdex abbandunata.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina u mix-Shadow Minister għal Għawdex Alex Borg, ġie spjegat li l-bini tal-Qorti f’Għawdex:
1. Mhux aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà u l-anzjani;
2. Għandu nuqqas kbir ta’ spazju għall-ħaddiema, il-ġudikanti, l-avukati, il-prokuraturi legali u l-pubbliku;
3. Għandu nuqqas kbir ta’ sigurtà; u
4. M’għandux awli biżżejjed fejn jinstemgħu l-kawżi.
Il-wegħda ta’ bini ġdid biex iservi bħala Qorti f’Għawdex kienet waħda mill-ħafna wegħdiet fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet ġenerali tal-2013 u tal-2022.
Mill-2013 sal-lum, il-wegħda ta’ bini ġdid għall-Qorti f’Għawdex issemmiet ukoll mill-Ministru għall-Finanzi fid-diskors tal-Budget għas-snin 2014, 2017 u 2019. Fid-diskors tal-Budget għas-snin 2016 u 2018 kien issemma’ li s-sena ta’ qabel il-Gvern kien nefaq anqas fuq il-proġett tal-bini tal-Qorti f’Għawdex, filwaqt li ma ssemma’ assolutament xejn fid-diskorsi tal-Budget għas-snin 2015, 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024.
Din hi sitwazzjoni riżultat tal-pika politika bejn dawk li servew bħala Ministri għal Għawdex mis-sena 2013 sal-lum: Anton Refalo, Justyne Caruana u Clint Camilleri. Hi wkoll inkompetenza kbira minn dawk kollha li servew bħala Ministri għall-Ġustizzja mis-sena 2013 sal-lum: Owen Bonnici, Edward Zammit Lewis u Jonathan Attard.
Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li jittieħdu dawn l-10 azzjonijiet biex tkun indirizzata s-sitwazzjoni:
1. Jiġi ppubblikat ir-riżultat tal-‘preliminary market consultation’ li suppost wettqet l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati u li għalqet fis-6 ta’ Jannar 2023;
2. Il-Ministri għall-Ġustizzja u għal Għawdex għandhom jgħidu jekk hux se jintuża’ bini diġà eżistenti jew jekk hux se jinbena bini ġdid għall-Qorti f’Għawdex;
3. Titħabbar id-data sa meta se tittieħed id-deċiżjoni dwar fejn se jkun jew fejn se jinbena l-Qorti l-ġdid f’Għawdex;
4. Issir u tiġi ppubblikata l-istima ta’ kemm se jiswa l-bini l-ġdid tal-Qorti f’Għawdex;
5. Ikun hemm allokazzjoni finanzjarja sostanzjali fil-Budget biex ikunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet;
6. Jitwaqqaf kumitat ta’ azzjoni bis-sehem ta’ rappreżentanti tal-ħaddiema, tal-avukati u tal-prokuraturi legali li jaħdmu fil-Qorti ta’ Għawdex biex isegwu u jagħtu l-fehma tagħhom dwar il-bini ġdid ta’ Qorti;
7. Jitħabbru d-dati ta’ meta se jinħareġ it-tender u ta’ meta hu ppjanat li jinbdew ix-xogħlijiet;
8. Titħabbar id-data ta’ meta hu ppjanat li se jitlestew ix-xogħlijiet;
9. Titħabbar id-data u d-dettalji tal-proċess biex il-ħaddiema u s-servizzi kollha jibdew joperaw mill-bini ġdid tal-Qorti f’Għawdex;
10. Sakemm jitlesta l-proġett ta’ bini ġdid, għandu jsir kull sforz possibbli biex il-binja eżistenti tal-Qorti f’Għawdex tkun aktar aċċessibbli u sigura.
//= $special ?>