Lokali

“Il-Gvern Laburista mgħaġġel biex jeħlisha ħafif lil traffikanti ta’ ammonti kbar ta’ droga” – PN

Il-Gvern irid li min jinqabad b’arma tan-nar ikun jista’ jitqies ‘vittma’

Il-Gvern Laburista ppreżenta abbozz ta’ liġi biex traffikanti ta’ ammonti kbar ta’ droga jibdew jeħilsuha ħafif, u jrid li l-Parlament jibda jiddiskuti dan l-abbozz illum stess b’għaġla kbira. Permezz ta’ dan l-abbozz il-Gvern saħansitra jrid li min jinqabad b’arma tan-nar, nar jew splussiv fit-twettiq ta’ reat ikun jista’ jitqies bħala vittma u jkun jista’ jibbenefika mill-proċedura speċjali quddiem il-Qorti tad-Droga.

Fi stqarrija, Karol Aquilina, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja; qal li dan huwa skandaluż, jibgħat messaġġ ħażin lis-soċjetà, u joħloq periklu kbir għall-pulizija u għall-forzi tal-ordni tagħna. Huwa inaċċettabbli li l-Gvern jipprova jgħaddi liġi li tpoġġi fil-perikolu lil dawk li ta’ kuljum jirriskjaw ħajjithom biex jipproteġu liċ-ċittadini onesti ta’ dawn il-gżejjer.

B’din il-liġi li ressaq il-Ministru Jonathan Attard, il-Gvern irid jagħmilha possibbli li min jinqabad b’ammonti kbar ta’ droga jidher quddiem il-Qorti tal-Maġistrati minflok quddiem il-Qorti Kriminali. Fil-prattika, dan se jfisser li l-massimu tal-piena se jonqos għal dawk li jinqabdu b’200 gramma eroina, 200 gramma kokaina, 500 pillola ecstasy jew kilo kannabis. Fil-Qorti tal-Maġistrati l-piena massima hija ta’ tnax-il sena priġunerija, filwaqt li quddiem il-Qorti Kriminali l-piena massima hija l-għomor.

Filwaqt li huwa ċar li l-Gvern irid akkost ta’ kollox jgħin lit-traffikanti tad-droga, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li l-Qrati, fid-diskrezzjoni tagħhom, ikunu ħarxa mat-traffikanti tad-droga, filwaqt li joffru għajnuna, imħabba u ħniena lill-vittmi tad-droga.

Karol Aquilina qal li fir-rigward ta’ min għandu jiġi meqjus bħala vittma tad-droga meta jinqabad b’ammont żgħir ta’ droga, il-Partit Nazzjonalista jinnota li fl-abbozz l-ammonti reġgħu tnaqqsu għall-ammont eżistenti. Madankollu, il-Ministru għall-Ġustizzja issa jrid li dawn l-ammonti jkunu jistgħu jinbidlu minnu stess b’sempliċi avviż legali minflok b’liġi li tgħaddi mill-Parlament.

Dan ukoll huwa inaċċettabbli u juri b’mod ċar li l-Gvern irid joħloq mod kif ikompli jgħin lit-traffikanti tad-droga fil-futur.

Il-Partit Nazzjonalista assolutament ma jaqbilx ma’ dak li jrid jagħmel il-Gvern u se jkun qiegħed jivvota kontra dan l-abbozz ta’ liġi irresponsabbli u perikoluż.