Fl-2025 il-Knisja se tkun qed tiċċelebra Ġublew Ordinarju. Din hija ġrajja ta’ importanza kbira
spiritwali, ekkleżjali u soċjali. It-tema li l-Papa Franġisku għażel għal dan il-Ġublew hija ‘Pellegrini tat-Tama’.
Il-Papa Benedittu XVI fl-2007 kien kiteb Ittra Enċiklika importanti fuq din it-tema, bl-isem ‘Spe salvi’ (Salvi bit-tama).
Għal dan il-għan, il-Fondazzjoni Il-Ħajja f’Għawdex se tkun qed torganizza l-ewwel Konferenza tagħha bis-suġġett: Il-Kristjaneżmu bħala Tama għad-Dinja tal-Lum. Dan is-suġġett fil-fatt se jkun qed jiġi diskuss fid-dawl tal-Maġisteru tal-Papa Benedittu XVI, f’għeluq is-sentejn minn mewtu.
Il-kelliem prinċipali għal din il-konferenza se jkun l-Arċisqof Alfred Xuereb, Eks Segretarju tal-Papa Benedittu XVI u Nunzju Appostoliku fil-Marokk. Se jkun hemm ukoll panel ta’ diskussjoni bis-sehem ta’ Alessandra Dee Crespo, Pauline Camilleri, Andrè P. Debattista u Fr Brendan Mark Gatt, li se jkunu qed jiddiskutu diversi aspetti relatati mal-Maġisteru tal-Papa Benedittu XVI.
Dakinhar se tiġi mnedija wkoll it-traduzzjoni tal-aħħar ktieb ta’ Benedittu VI, ‘Che cosa è il
Cristianesimo’, miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard u ppubblikat mid-Dar Editriċi
Reliġjon u Ħajja.
L-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma se jkun qed jagħlaq din il-konferenza bid-diskors tiegħu. Din il-konferenza se tinżamm nhar is-Sibt 23 ta’ Novembru 2024, fis-Sala tas-Seminarju Maġġuri, il-Belt Victoria, Għawdex, u tibda fl-10am. Il-Konferenza hija miftuħa għall-pubbliku u hija bla ħlas.
Wieħed jista’ jirriserva l-attendenza tiegħu hawn: https://forms.office.com/e/MeNKziM7jP.
//= $special ?>