Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: Diplomazija u pjani għall-futur fost il-bumbardamenti

Karozzi li kienu maqbuda fit-traffiku fil-waqt tal-isplużjoni

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, qed jipprova jistimola l-proċess diplomatiku intiż biex jieqaf il-ġlied bejn l-Armata ta’ Iżrael u t-terroristi tal-grupp Ħamas fil-Medda Ta’ Gaza.

Dan waqt li l-gwerra f’Gaza kompliet tirranka, fost l-inkwiet dwar is-sitwazzjoni umanitarja għall-għexieren tal-eluf tal-Palestinjani u bil-konflitt tal-Iżraeljani mal-milizji Xiti tal-Ħeżbollah fil-Libanu wkoll qed isir issue mill-aktar problematika għall-Istati Uniti u l-kumplament tal-komunità internazzjonali.

Antony Blinken iddiskuta s-sitwazzjoni allarmanti f’Gaza mal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu u fejn huma trattaw ukoll issues oħrajn relatati mal-Lvant Nofsani waqt laqgħa fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Netanyahu, f’Ġersualemm.

Iż-żjara ta’ Blinken fil-Lvant Nofsani qed tikkonċentra fuq diversi prioritajiet –b’mod partikulari d-djalogu mal-Iżraeljani u entitajiet oħrajn dwar l-inizjattivi li kapaċi jikkonkludu t-tbatija tal-Palestinjani f’Gaza. Intant, il-kundizzjoni ewlenija jibqa’ l-impenn biex madwar 100 ostaġġi Iżraeljani miżmumin mill-Ħamas jintbagħtu lura pajjiżhom qawwijin u sħaħ

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan qed ikun anki involut fi djalogu mal-Iżraeljani dwar l-aħjar mezzi biex tinstab soluzzjoni għall-konflitt mal-Ħeżbollah. U fl-istes ħin, Blinken qed ikollu l-kuntatti mal-Istati Għarab biex, flimkien, jaraw x’jista’ isir għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet fil-Libanu u li anki għandhom jinkludu s-sistemi ta’ appoġġ lill-qawwiet armati Lebaniżi.

Aktar bumbardamenti fuq il-Libanu u Iżrael

L-ajruplani tal-gwerra ta’ Iżrael, fl-aħħar sigħat, komplew jattakkaw liċ-ċentri u bażijiet tal-Ħeżbollah f’Bejrut il-kapitali tal-Libanu – u bl-Armata Iżraeljana anki tiftaħ offensiva fuq il-belt ta’ Tyre, viċin il-kosta. Dan wara li fl-aħħar sigħat, il-familji fin-neighbourhood ta’  al-Hawsh f’Tyre, kienu mħeġġa biex jirrilokaw lejn iz-zoni ‘il bogħod mill-inħawi li s-soltu jkunu ffullati bin-nies u fejn hemm ukoll diversi siti b’konnessjoni mal-milizji Xiti alleati tal-Iran.

Il-qawwiet Iżraeljani anki attakkaw il-belt ta’ Nabatieh, lejn in-Nofsinar tal-Libanu flimkien ma’ Hermel, fl-artijiet Lebaniżi tat-Tramuntana.

Intant, il-Ministeru tas-Saħħa fil-Libanu qal li mietu talanqas 15, b’sittin oħra jindarbu wara li l-qawwiet Iżraeljani laqtu l-madwar ta’ wieħed mill-isptarijiet f’Bejrut.

Jidher li fl-attakk intlaqtet zona residenzjali qrib l-Isptar tal-Università msemmi għall-eks Prim Ministru Lebaniż, Rafik Hariri. Dan  hu wkoll l-isptar tal-Gvern ewlieni fin-Nofsinar ta’ Bejrut – bl-Iżraeljani jenfasizzaw li l-militar tagħhom kien qed jimmira għall-faċilitajiet tal-gwerra gal-grupp Ħeżbollah.

Sadanittant, komplew il-burraxki tal-missili lejn Iżrael mill-milizji Xiti li wkoll żiedu l-azzjonijiet tagħhom fl-aħħar ġranet. Il-Ħeżbollah  qalu li diversi siti fit-Tramuntana ta’ Iżrael reġgħu spiċċaw mira għall-missili tagħhom – kalkulati bħala ftit anqas minn mija — u bl-attakki jikkonċentraw anki fuq ir-reġjun ċentrali ta’ Samarja.