Il-MPE approvaw self straordinarju ta’ massimu ta’ €35 biljun lill-Ukrajna, li għandu jitħallas lura permezz tad-dħul futur mill-assi Russi ffriżati.
B’518-il vot favur, 56 kontra u 61 astensjoni, il-Parlament approva l-assistenza makrofinanzjarja (AMF) il-ġdida biex tgħin lill-Ukrajna kontra l-gwerra brutali ta’ aggressjoni tar-Russja. Dan is-self huwa l-parti tal-UE minn pakkett tal-G7 miftiehem f’Ġunju li għadda, biex jipprovdi sa $50 biljun (madwar €45 biljun) f’appoġġ finanzjarju lill-Ukrajna. L-ammont finali li l-UE se tikkontribwixxi jista’ jkun aktar baxx, skont id-daqs tas-self ipprovdut minn sħab oħra tal-G7.
Il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self tal-Ukrajna, qafas li għadu kif ġie stabbilit, se jagħmel id-dħul futur mill-assi ffriżati tal-Bank Ċentrali Russu li jinsabu fl-UE disponibbli għall-Ukrajna. Dawn il-fondi se jgħinu lill-Ukrajna tħallas lura s-self tal-AMF tal-UE kif ukoll is-self minn sħab oħra tal-G7. Filwaqt li l-fondi tal-mekkaniżmu jistgħu jintużaw biex jitħallas lura s-self, Kiev jista’ jalloka l-fondi tal-AMF kif jidhirlu xieraq.
Il-fondi l-ġodda tal-AMF se jiġu żborżati sa tmiem l-2025. Is-self jiddependi fuq l-impenn kontinwu tal-Ukrajna li żżomm mekkaniżmi demokratiċi effettivi, tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, u aktar kundizzjonijiet ta’ politika li għandhom jiġu stabbiliti f’memorandum ta’ qbil. Barra minn hekk, is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll deskritti fil-Pjan għall-Ukrajna, flimkien ma’ miżuri speċifiċi għall-prevenzjoni tal-frodi u irregolaritajiet oħra, se japplikaw għas-self tal-AMF.
Il-gvernijiet tal-UE japprovaw
Il-gvernijiet tal-UE diġà approvaw il-proposta, u l-Kunsill qed jippjana li jadotta r-regolament permezz ta’ proċedura bil-miktub wara l-vot tal-Parlament. Ir-regolament ser jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.
F’Settembru, il-Kummissjoni ħabbret self tal-UE ta’ €35 biljun għall-Ukrajna bħala parti minn pjan mis-sħab tal-G7 biex joħorġu self sa $50 biljun (madwar €45 biljun). Dħul futur li ġej mill-assi ffriżati tal-istat Russu ser jiffinanzja s-self. Madwar €210 biljun f’assi mill-Bank Ċentrali tar-Russja qed jinżammu fl-UE u jibqgħu ffriżati taħt sanzjonijiet imposti minħabba l-invażjoni tal-Ukrajna minn Moska fi Frar 2022. Il-gvernijiet tal-UE ddeċidew li jwarrbu l-profitti minn dawn l-assi, u jużawhom biex jappoġġaw kemm l-isforzi militari kif ukoll ir-rikostruzzjoni fl-Ukrajna.