Din il-ġimgħa skatta x-xogħol tal-akkademiku George Vital Zammit u t-tim tiegħu sabiex jiġi ffurmat id-dokument ta’ proposti għall-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista bi tħejjija għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Mistieden fuq il-programm NET Live biex jiddiskuti din il-ħidma, Vital Zammit qal li, fl-ewwel ftit sigħat mindu ħareġ fil-beraħ li hu se jkun qed iservi f’dan l-irwol tant importanti, huwa rċieva messaġġi mingħand mijiet ta’ persuni li avviċinawh sabiex jgħinu ħalli dan id-dokument joffri l-aqwa proposti favur il-poplu Malti u Għawdxi.
“Dan irid ikun proċess inklussiv,” qal Vital Zammit. “L-ammont ta’ interess illi rajt min-nies li għandhom imħabba lejn pajjiżhom. In-nies jgħinu jridu u mhux iridu xi ħaġa mill-politika sabiex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom u tal-pajjiż.”
Vital Zammit kompla jgħid li dan l-irwol jinvolvi sfida xejn faċli iżda jinsab kommess li jiltaqa’ ma’ dawk kollha li jixtiequ jiddiskutu.
“L-ikbar sfida se tkun it-tellieqa mal-ħin għaliex għandi l-familja u l-professjoni filwaqt li se niddedika ħini biex niltaqa’ ma’ dawk kollha li jixtiequ jiltaqgħu miegħi,” qal Vital Zammit.
Vital Zammit innota kif kien hemm attentat kbir ta’ nies li jixtiequ jsemmgħu leħinhom, bil-Partit Nazzjonalista li jibqa’ jilqa’ l-kritika kostruttiva.
“Il-PN irid ikun dak li jisma’ b’mod sistematiku fejn ilaqqa’ grupp ta’ esperti, professjonisti biex ikun jista’ jifformola pjan li huwa sostenibbli,” qal Vital Zammit. “In-nies qed jindunaw li wegħdiet fiergħa, li ma jiġux fis-seħħ, dawn mhumiex boloħ.”
Wieħed jista’ jikkuntattja lill-Partit Nazzjonalista fuq l-email address ideat@pn.org.mt biex jintuża’ mill-poplu kollu sabiex jibgħat l-opinjonijiet tiegħu, anke jekk dan isir b’mod anonimu.
//= $special ?>